Filmat: Bars u każini se jagħlqu fil-11pm

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-bars u każini se jagħlqu fil-11pm. Huwa ħabbar dan f’konferenza tal-aħbarijiet illejla fil-Berġa ta’ Kastilja. Din il-miżura se tidħol fis-seħħ minn nhar it-Tnejn 19 ta’ Ottubru u ma tapplikax għar-ristoranti.

Fil-konferenza tkellem ukoll il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne li qal li fl-ewwel sitt ijiem kien hemm 75,000 persuna li ħadu t-tilqima tal-influwenza.

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri elenka l-ħidma tad-diversi entitajiet biex isir l-infurzar fosthom mil-LESA, mill-Pulizija u mill-uffiċjali tal-MTA.

Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet li l-miżuri dejjem iddaħħlu skont dak li tkun qed tindika l-evidenza minn studji li qed isiru madwar id-dinja.

DOI

Segwi dak li ntqal minuta b’minuta:

20:30 Grazzi talli segwejtu Newsbook.com.mt.
Beppe Galea
20:25 Għall-mistoqsija ta' Newsbook.com.mt, il-PM ma għalaqx il-bibien għall-vaganzi, qal li l-industrija tat-turiżmu hija importanti għall-ekonomija ta' Malta.
Beppe Galea
20:00 Il-PM jwieġeb mistoqsija dwar il-frażi li kien qal f'Lulju "il-mewġ fil-baħar qiegħed". Jgħid li l-importanti huwa li jiġu salvagwardjati l-ħajjiet tan-nies anke b'termini ekonomiċi biex ma jintilfux il-postijiet tax-xogħol .
Beppe Galea
19:56 Ir-regola tal-ħin sal-11pm ma tapplikax għar-ristoranti.
Beppe Galea
19:55 Il-Ministru Chris Fearne qal li r-riżultat tar-Rapid Testing isir magħruf f'temp ta' nofsiegħa u jsir fuq il-post mingħajr l-użu ta' laboratorju.
Beppe Galea
19:54 Jibdew il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti.
Beppe Galea
19:53 Il-Professur Gauci qalet li n-numri jridu jonqsu iżda kulħadd irid iżomm mar-regoli.
Beppe Galea
19:49 Eċċezzjonijiet għall-maskra: tfal taħt it-3 snin, b'kundizzjonijiet mediċi li fihom m'għandhix tintlibes il-maskra.

Wieħed jista' jneħħi l-maskra f'ċerti sitwazzjonijiet:
– f'karozza privata iżda rakkomandazzjoni li tintlibes jekk jirkeb xi ħadd li mhux parti mill-familja.
– f'attivitajiet fiżiċi iżda l-maskra għandha tintlibes dritt wara.
– nies dipendenti fuq il-lip reading biex kulħadd ikun jista' jikkomunika.
– f'sitwazzjonijiet ta' public speaking waqt li tinżamm id-distanza.
– f'sitwazzjoni ta' identifikazzjoni bħalma huma banek jew ajruport iżda terġa' tintlibes dritt wara.
– waqt trattament fil-wiċċ.
– waqt l-ikel iżda jekk se tqum minn mal-mejda trid terġa' tintlibes.

Maskra obbligatorja għall-iskejjel primarji, sekondarji u post-sekondarji b'hekk dawn l-istudenti jridu jilbsuha f'kull ħin.
Beppe Galea
19:47 Il-Professur Charmaine Gauci qalet li dejjem imxew mal-evidenza u fakkret meta ddaħħlet il-maskra bħala rakkomandazzjoni. Stqarret li din imbagħad iddaħħlet mandatorja hekk kif l-evidenza bdiet turi li l-maskri huma importanti biex tonqos ir-rata ta' trasmissjoni fil-komunita.
Beppe Galea
19:44 Il-MInistru għamel appell lis-sidien tal-istabbilimenti biex josserva il-liġijiet huma min-naħa tagħhom.
Beppe Galea
19:44 L-uffiċjali tal-MTA se jsegwu dak li jkun qed jiġri fl-istabbilimenti bħal ristoranti u bars.
Beppe Galea
19:44 Il-Pulizija se jkomplu jaħdmu l-funzjoni tagħhom anki fejn jidħlu ġemgħat fil-pubbliku.
Beppe Galea
19:42 Il-Ministru Camilleri qal li l-LESA qed jagħmlu parti importanti mill-infurzar bil-maġġoranza assoluta tal-membri li jkunu barra se jkunu iffukati totalment fuq spezzjonijiet dwar il-maskra f'diversi postijiet. Qal li qed jaħdmu wkoll fuq spezzjonijiet għall-kwarantina kemm dik mandatorja kif ukoll għal min ikun pożittiv għall-virus.
Beppe Galea
19:41 Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri qal li jekk mhux kulħadd se jagħmel il-parti tiegħu, il-miżuri li tħabbru mhuma se jiswew xejn.
Beppe Galea
19:40 Qal li l-Gvern se jġib 150,000 oħra apparti l-100,000 tilqima li se jingħataw mal-ewwel batch biex b'hekk f'Malta jkunu ngħataw total ta' 250,000 tilqima tal-influwenza.
Beppe Galea
19:39 Dwar il-vaċċin tal-influwenza, il-Ministru qal li fl-ewwel sitt xhur li ilha tingħata ngħataw mal-75,000 tilqima.
Beppe Galea
19:37 Il-Ministru għas-Saħħa ħabbar mit-28 ta' Ottubru se jiddaħħlu fis-seħħ għadd ta' Rapid Testing. Spjega li dawn it-testijiet għandhom sensittivita tal-virus ta' aktar minn 90%.
Se jintużaw fl-ajruport, f'xi skejjel permezz tad-dipartiment tal-edukazzjoni, fid-dipartiment tas-saħħa fl-emerġenza, fil-kura primarja u fost il-professjonisti u anke fid-djar tal-anzjani.
Beppe Galea
19:35 Minn għada kullimkien bil-maskra: il-Ministru qal li kullimkien iridu jintlibsu l-maskri ħlief għal xi eċċezzjonijiet bħalma huma fil-karozza privata tal-persuna jew fid-dar. Din ir-regola tidħol minn għada, bl-infurzar dwarha jidħol fis-seħħ minn nhar il-Ġimgħa 23 ta' Ottubru.
Beppe Galea
19:34 Speċifika li r-regola tal-bars u l-każini se tidħol fis-seħħ minn nhar it-Tnejn 19 ta' Ottubru.
Beppe Galea
19:33 Jgħid li saru 150,000 spezzjoni fl-aħħar ġimgħat.
Beppe Galea
19:33 Il-MInistru Fearne qal li fejn mhux qed naslu bl-edukazzjoni iridu naslu bl-infurzar.
Beppe Galea
19:31 Il-Ministru Chris Fearne jibda jitkellem u jfakkar fir-regoli eżistenti għall-bars u ristoranti li ma jservux alkoħol jekk mhux mal-ikel.
Beppe Galea
19:29 Bars u każini se jagħlqu fil-11pm.
Beppe Galea
19:29 Il-PM qal li jekk ma jinżammux ir-regoli se jkun hemm il-konsegwenza tal-multi.
Beppe Galea
19:28 Qal li l-prinċipji tal-użu tal-maskra u li tinżamm id-distanza soċjali kullimkien.
Beppe Galea
19:28 Qal li l-miżuri li se jitħabbru llum huma effikaċi iżda wkoll sostenibbli f'każ li jdumu għal żmien itwal minn dak mixtieq.
Beppe Galea
19:27 Il-PM qal li s-sitwazzjoni hija taħt kontroll iżda qal li trid tiżdied ir-responsabbilta f'kulħadd biex tiġi protetta l-ħajja tan-nies.
Beppe Galea
19:27 Il-PM qal li l-Gvern qed iħeġġeġ li kull fejn hu possibbli x-xogħol isir mid-dar.
Beppe Galea
19:26 Il-PM jagħti ħarsa ta' x'ġara f'dawn ix-xhur tal-pandemija u jirringrazzja lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u lis-Supretendent għas-saħħa Pubblika Charmaine Gauci tal-ħidma tagħhom.
Beppe Galea
19:23 Il-PM jibda jitkellem dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19. Jgħid li nhar it-Tnejn se jitħabbru miżuri ekonomiċi fil-baġit.
Beppe Galea
19:22 Tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni fl-Afrika fejn qal li l-mexxejja Ewropej iddiskutew l-immigrazzjoni illegali. Qal li l-UE issa qed tara li l-Afrika hija kontinent ta' opportunitajiet biex b'hekk tonqos l-immigrazzjoni.
Beppe Galea
19:21 Il-PM jibda billi jgħid li għadu kemm wasal minn Brussell fejn attenda għal Summit Ewropew fejn ġiet diskussa l-kwistjoni Brexit.
Beppe Galea
19:19 Biex jindirizzaw il-konferenza tal-aħbarijiet hawn il-Prim Ministru Robert Abela, is-Supretendent għas-saħħa pubblika Charmaine Gauci, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri.
Beppe Galea
19:03 Merħba! Newsbook.com.mt se jżommok aġġornat minuta b'minuta b'dak li jkun qed jintqal fil-konferenza tal-aħbarijiet.
Beppe Galea
L-ogħla rekord b’122 każ ġdid f’temp ta’ ġurnata
Filmat: Rekord ġdid ta’ każijiet: 122

Il-Prim Ministru ġie kkritikat tan-nuqqas t’azzjoni tiegħu fil-konfront ta’ din iż-żieda drastika fil-każijiet tal-coronavirus.

Illum, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ħabbar li għaqqad tim ta’ azzjoni sabiex dawn iħejju pjan ta’ kif Malta għandha tkompli tikkumbatti l-pandemija.