“L-ebda kompromess mat-taxxa fiskali għall-fondi Ewropej” – il-PM

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela aċċerta li t-taxxa fiskali ma kinitx diskussa fin-negozjati tal-fondi Ewropej waqt is-Summit li sar fl-aħħar jiem fi Brussell. Il-PM kien qed iwieġeb għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt dwar it-taxxa komuni għall-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Glen Micallef, wieħed min-negozjaturi ta’ Malta, spjega li t-Trattati tal-UE jipprovdu li l-Kummissjoni Ewropea tipproponi leġislazzjoni għall-pajjiżi membri iżda dwar it-taxxa jrid ikun hemm unanimità mill-pajjiżi kollha.

Dwar is-saltna tad-dritt, il-Prim Ministru qal li din iddaħlet bħala kriterju biex pajjiż jieħu l-fondi. Spjega li r-riformi li Malta daħħlet għat-tisħiħ tal-ġudikatura kienu importanti għad-diskussjonijiet li saru fi Brussell.

Il-Prim Ministru Robert Abela kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar il-pakkett finanzjarju li ġie maqbul bejn il-mexxejja Ewropej fis-summit li sar fi Brussell.

Kif inhuma maqsumin il-€2.25 biljun?

  • €1,923 f’baġit tradizzjonali, il-PM qal li jfisser €800 miljun iżjed mill-baġit ta’ qabel
  • €327 miljun fil-fond ta’ reżiljenza u rkupru minħabba l-pandemija.

Il-PM spjega li l-parti bħala self mhux qed tiġi inkluża f’dawn il-kalkoli.

Il-Prim Ministru qal li meta tinkludi l-kontribuzzjonijiet li Malta tagħti lill-Unjoni Ewropea, “il-bilanċ baqa’ wieħed pożittiv sew”. Huwa spjega li dan jibqa’ pożittiv anke jekk fil-kalkoli jitneħħa l-ammont li Malta se tieħu bħala rkupru mill-pandemija.

Għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, il-PM qal li sakemm ikun Prim Ministru hu jrid li Malta ssir pajjiż kontributorju għall-fondi Ewropej. Dan ifisser li Malta tkun qed tagħti aktar milli tieħu u l-Prim Ministru fisser li dan ikun pożittiv għal Malta għax ikun ifisser li l-ekonomija ta’ Malta tkun soda aktar.

Kif se jintefqu l-fondi?

Il-PM qal li bil-fondi Ewropej se jkunu sostnuti proġetti infrastrutturali permezz tal-fondi tal-koeżjoni. Qal li dawn jammontaw għal €1,125 miljun.

Semma wkoll is-settur tas-sajd u l-akwakultura, iżjed opportunitajiet għaż-żgħażagħ kemm f’Malta u f’pajjiżi oħra, jitjieb il-livell ta’ għajxien billi tiġi miġġielda l-isfida tat-tibdil fil-klima, investiment fis-sigurtà u aktar invesitment għal Għawdex. Il-PM qal ukoll li l-Gvern se jkun qed jinvesti fl-ekonomija, fil-qasam diġitali u biex it-tkabbir ikun aktar sostenibbli.

Il-Gvern se jżomm l-10% tal-fondi Ewropej għal Għawdex

Il-Prim Ministru stqarr li 10% tal-fondi Ewropej se jkunu riservati għal Għawdex. Huwa spjega li din hija deċiżjoni politika tal-Gvern. Dan hu bl-istess mod li kien sar fil-baġit preċedenti tal-2014-2020 li kien innegozjat fi Frar 2013 meta Gvern Nazzjonalista kien introduċa din il-wiegħda.

X’kienu l-argumenti ta’ Malta fin-negozjati?

Il-PM irringrazzja lit-tim kollu mmexxi mir-Rapprezentant Permanenti għall-Unjoni Ewropea Marlene Bonnici li mexxew in-negozjati.

Fil-konferenza tkellem ukoll Glen Micallef li kien parti mit-tim ta’ negozjaturi li ta preżentazzjoni teknika tal-fondi Ewropej, kemm dawk mill-baġit tradizzjonali għas-seba’ snin li ġejjin kif ukoll dawk l-għotjiet relatati mal-pandemija. Qal li wieħed mill-argumenti tal-Gvern kien dwar il-vulnerabbilta ta’ Malta bħala pajjiż gżira li m’għandux fruntiera ma’ pajjiżi oħra għenu biex Malta jkollha aktar għajnuniet finanzjarji.

Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar jekk kienx hemm sfidi li Malta kienet se tieħu inqas flus, il-Prim Ministru wieġeb billi qal li “m’aħnix Gvern li nkunu kuntenti bil-medjokrità”. Huwa qal hekk billi semma l-pjan tal-Kummissjoni Ewropea tal-2018 li fih Malta kienet se tieħu €793 miljun flok is-somma tal-lum.

Kontribuzzjonijiet finanzjarji ta’ Malta

Glen Micallef spjega liema flus huma li Malta tgħaddi lill-UE. Qal li dawn huma l-kontribuzzjonijiet mid-dħul mid-Dwana, it-taxxa tal-VAT u l-bilanċ li jkun fadal ikun skont il-Prodott Gross Domestiku. Huwa qal li aktar ma jiżdied il-Prodott Gross Domestiku aktar ikunu kbar il-kontribuzzjonijiet. Spjega wkoll li dan għadu jrid jiġi diskuss aktar ‘il quddiem, skont it-tkabbir ekonomiku li l-pajjiż ikun għamel.

Aktar kmieni

Il-Prim Ministru wasal Malta llum minn Brussell wara li fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu ntlaħaq qbil li permezz tiegħu Malta mistennija li tieħu €2.25 biljun f’fondi Ewropej. Il-PM Abela qal li dan huwa l-akbar pakkett finanzjarju li Malta qatt ħadet mill-Unjoni Ewropea.

Il-mexxejja kienu ilhom mill-Ġimgħa jiddiskutu aspetti differenti tal-baġit għas-seba’ snin li ġejjin kif ukoll fond ta’ rkupru mill-pandemija Covid-19.