“Il-PM bagħat messaġġ ta’ tolleranza żero” – Il-Kamra tal-Kummerċ

Miguela Xuereb

Il-Kamra tal-Kummerċ faħħret l-aġir tal-Prim Ministru Robert Abela, wara li dalgħodu huwa laqa’ r-riżenja tal-Ministru Justyne Caruana wara rapporti li xeħtu dawl fuq il-ħbiberija bejn żewġha, l-eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta, u Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black, akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Skont il-Kamra tal-Kummerċ, Abela qed jibgħat messaġġ meħtieġ ta’ tolleranza żero lejn kull ħjiel ta’ kondotta dubjuża. Hija sejħet l-ewwel ġimgħa tal-Prim Ministru Robert Abela “nifs ġdid.”

Il-Kamra laqgħet ukoll il-Kumitat ta’ Governanza Tajba li ħatar il-Prim Ministru, kif ukoll li l-Gvern diġà beda jimplimenta xi proposti mid-dokument li ppreżentatlu l-Kamra bl-isem ta’ manifest għall-governanza tajba.

Apparti dan, il-Kamra kkummentat ukoll fuq l-intenzjoni tal-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia li jippubblika reġistru tal-laqgħat mal-ishma fis-suq, sabiex ikun hemm iżjed trasparenza. Irreferiet ukoll għall-istqarrija li għamel il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri li l-iċken allegazzjoni trid tiġi investigata.

Għaldaqstant, il-Kamra tal-Kummerċ ikkonkludiet li wara din l-ewwel ġimgħa tal-Prim Ministru u l-Kabinett il-ġdid, hija għandha ottimiżmu kawt. Fadal x’jagħmel il-Gvern, temmet tgħid il-Kamra, imma s’issa sejjer tajjeb.