Il-PM Abela għażel lil Konrad Mizzi għall-OSCE

Miguela Xuereb

Sorsi qrib il-Gvern aċċertaw lil Newsbook.com.mt li kien il-Prim Ministru Robert Abela nnifsu li nnomina lil Konrad Mizzi bħala kap tad-delegazzjoni Maltija fl-Assemblea Parlamentari għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, magħrufa bħala l-OSCE.  L-istess sorsi qalu li kien ukoll il-PM Abela li personalment għażel lill-Membri Parlamentari Laburisti li ngħataw irwoli oħra.

Newsbook.com.mt talab ukoll kumment lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Il-kumment nippubblikawh kif jaslilna.

Jipprotesta l-PN; il-Gvern jirtira

Il-Partit Nazzjonalista mill-ewwel oġġezzjona bil-qawwa kollha għall-ħatra ta’ Konrad Mizzi. Anke Repubblika rreaġixxiet u qalet li se tagħmel protesta quddiem il-Parlament  nhar l-Erbgħa.

Il-Gvern ħabbar li se jkun qed jirtira l-mozzjoni tal-bieraħ dwar il-ħatra ta’ Konrad Mizzi bħala kap tad-delegazzjoni Maltija fl-OSCE. Fi stqarrija kmieni dalgħodu, il-Gvern qal ukoll li talab parir legali dwar il-validità ta’ kuntratt ta’ konsulenza li kien ingħata lill-istess Mizzi mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu f’Diċembru tal-2019.

Reazzjoni minn MP Laburisti

Membri tal-Grupp Parlamentari Laburista, li ma xtaqux li jkunu identifikati b’isimhom, esprimew ma’ Newsbook.com.mt is-sorpriża tagħhom għal dik li ddeskrivew bħala “U-turn kbira” tal-Prim Ministru Robert Abela, malli ħass l-ewwel pressjoni ġejja mill-Partit Nazzjonalista u mis-soċjetà ċivili.

Attivist li ilu jaħdem fil-Partit Laburista sa mill-elezzjoni tal-1992, ikkummenta ma’ Newsbook.co.mt li dawn l-ewwel ġimgħat tat-tmexxija ta’ Robert Abela huma bħala “test dwar kif se jimxi ma’ Laburisti leali”. Hu stqarr li ħafna fil-Partit Laburista qed ikunu skomdi kif persuni li skont hu “taw saħħithom għall-Partit bdew jitwarrbu mill-lum għal għada”. Huwa esprima diżappunt dwar “kif deċiżjonijiet tajbin qed jinbidlu mill-Prim Ministru fil-mument li joġġezzjonaw organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili”. Dan, fi kliemu, qed idgħajjef lill-Prim Ministru.