Il-plejer jinħeles mill-arrest sakemm jinqata’ l-appell

Read in English.

Clifford Gatt Baldacchino nħeles mill-arrest sakemm jinqata’ l-appell mill-Qorti tal-Appell Kriminali. Huwa appella s-sentenza ta’ 15-il xahar ħabs.

AQRA: 15-il xahar ħabs għall-plejer tal-futbol li ta fastidju lill-eks

L-avukati Edward Gatt, Mark Vassallo, u Jean Paul Sammut li qed jidhru għall-plejer tat-tim Malti għamlu rikors quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali bit-talba għall-ħelsien mill-arrest. Huma qed issostnu li l-piena hi eċċessiva f’dan il-każ. Żiedu li Gatt Baldacchino għandu bżonn l-għajnuna biex joħroġ mill-isqaq li daħal fih.

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest b’numru ta’ kundizzjonijiet fosthom li jinħatar Uffiċjal tal-Probation fuq il-każ tiegħu. Il-Qorti ordnatlu li jieħu l-kura meħtieġa.

Gatt Baldacchino kellu relazzjoni mat-tfajla għal kważi sentejn, iżda din ġiet fi tmiemha f’dawn l-aħħar xhur.

Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €3,000 u garanzija personali ta’ €4,000.

Fil-Qorti ħareġ li huwa kien jaf li kien hemm ordni ta’ protezzjoni fuq il-mara u li kellu jżomm -il bogħod minnha. Huwa ammetta li fit-28 ta’ Awwissu prova jagħmel kuntatt mal-mara. Kompla li prova jagħmel kuntatt magħha wara li sar jaf li l-paga tiegħu daħlet fil-kont tagħha u prova jikkomunika magħha biex il-paga tgħaddi għandu.

Għal Gatt Baldacchino dehru l-avukati Edward Gatt, Mark Vassallo, u Jean Paul Sammut.