Il-PL u l-PN jiftehmu dwar il-kampanja elettorali għall-kunsilli

Fi stqarrija rari, li ħarġet b’mod konġunt bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista, iż-żewġ partiti ħabbru li bi ftehim bejniethom il-kampanji elettorali rispettivi tagħhom għall-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali se jibdew mill-Ħadd 8 ta’ Marzu.
Iż-żewġ partiti politiċi qalu wkoll li ftehmu li b’rispett lejn it-tradizzjonijiet kulturali u reliġjużi Maltin, mhu se jkun hemm ebda attivitajiet ta’ kampanja elettorali f’Jum id-Duluri u bejn l-Erbgħa tal-Ġimgħa Mqaddsa u l-Għid il-Kbir.
Ħabbru wkoll li waqt it-tqassim tad-dokumenti tal-vot tar-Referendum, mhux se jkollhom Aġenti tal-Partiti minkejja li l-liġi tippermetti dan.