Il-PL u l-PN iżommu l-arloġġ lil xulxin u jinsistu fuq ir-riżenji

Il-Partit Laburista qal li ħadd ma jneħħi d-dubju li daħal f’moħħ in-nies li x-xogħlijiet fid-dar tal-Viċi Kap Nazzjonalista Mario de Marco, saru oriġinarjament bi pjaċir minn kuntrattur fil-Panama Papers.
Fi stqarrija, il-PL qal li l-Kap Nazzjonalista jparla ħafna fuq standards u good governance, u għaddew aktar minn 100 siegħa minn meta ħarġet l-istorja fuq Mario de Marco u għadu m’għamel xejn.
B’reazzjoni l-Partit Nazzjonalista qal li bl-istess mod, il-PN jista’ jgħid li Joseph Muscat mhux talli ma fetaħx ħalqu, iżda ddefenda u gideb għal Keith Schembri u Konrad Mizzi għal 1,440 siegħa.
Sostna li l-akbar prova li x-xogħol li sar fir-residenza ta' Mario de Marco kien wieħed nadif u onest, hi li de Marco ħallas għax-xogħol li sarlu.
Żied jgħid li hi ipokresija kbira li l-PL jattakka lil de Marco li ħallas kuntrattur biex jagħmillu xi xogħol żgħir fid-dar tiegħu, meta l-istess kuntrattur għadu qed jagħmel xogħol kbir fid-dar tas-Segretarju Parlamentari Ian Borg.
Il-Partit Laburista reġa’ rreaġixxa u qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jinħeba minn test sempliċi ta’ trasparenza.
Reġa’ staqsa meta se jkun ippubblikat il-kuntratt li de Marco kellu ma’ Redmap, u meta se jippubblika l-irċevuti u l-invoices tax-xogħlijiet li qal li swew €34,000.
Il-PL jistaqsi wkoll għaliex ħallas għalihom ftit tal-jiem ilu, meta x-xogħlijiet fuq il-proprjetà tiegħu saru meta kien Ministru.