Il-PL u l-PN isostnu impenn għal ugwaljanza ċara

Għal Jum il-Mara, imfakkar proprju llum, il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista t-tnejn enfasizzaw l-impenn tagħhom biex ikun hemm ugwaljanza aktar ċara bejn in-nisa u l-irġiel.
“Wara li n-nisa daħlu fid-dinja tax-xogħol issa jmiss pagi indaqs” – Il-Partit Laburista
Il-PL ikkwota dak li qal il-Mexxej, Joseph Muscat, meta waqt attività bit-tema We Lead Together sostna li d-differenza f’Malta bejn l-irġiel u n-nisa f’dak li għandu x’jaqsam ma’ impjegabbiltà hi ta’ 11%, inqas mill-medja Ewropea.
Muscat aċċenna għall-abbużi f’ċertu xogħlijiet, li juru kif il-mara hija fost l-iktar vulnerabbli f’dak li għandu x’jaqsam ma’ prekarjat.
“M’għandniex inkunu kuntenti li inċentivajna n-nisa joħorġu fid-dinja tax-xogħol. Irridu naraw id-drittijiet u d-dmirijiet tal-ħaddiema,” qal Muscat li rrefera għas-suċċess tal-Iżlanda.
Il-Prim Ministru tkellem dwar skemi għal aktar nisa fil-Parlament, u enfasizza li d-diskussjoni mhux se tkun humiex se jsiru jew le, iżda kif se jsiru.
Temm jgħid li għal dan għandu bżonn il-kollaborazzjoni tal-Oppożizzjoni, u mhux argumenti li, fi kliemu, ilu jisma’ 25 sena sħaħ.
“Il-PN impenjat li jkompli jaħdem biex il-mara tilħaq il-milja tagħha” – Claudette Buttigieg
Min-naħa tagħha l-Kelliema tal-Oppożizzjoni għad-Drittijiet Indaqs, Caludette Buttigieg, irrikonoxxiet li s-soċjetà Maltija għamlet avvanzi ’l quddiem, iżda qalet li għad fadal xi jsir sabiex verament ikun hawn ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.
Il-PN semma ċifri tal-Eurostat, li juru li l-qagħda tal-mara f’dak li għandu x’jaqsam ħlas għal xogħolhom tnaqqret, għax filwaqt li fl-2011 id-differenza kienet ta’ 7%, fl-2016 telgħet għal 11%.
Jirreferi wkoll għal studju ieħor li juri kif 13% tat-tfajliet qiegħda u mhux jistudjaw.
Jikkwota wkoll lill-Forum Ekonomiku Dinji, li indika tnaqqis fil-parteċipazzjoni tan-nisa fil-postijiet fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet u l-politika.
Itemm billi jirrakkomanda lill-Gvern biex jimplimenta wegħda elettorali tal-PN, jiġifieri li l-Parlament jagħti għażla lill-Membri Parlamentari jkunu full-time.
"Il-Gvern kommess li l-kunċett paga ndaqs għal xogħol tal-istess valur jitwettaq fil-prattika" – Helena Dalli
F'konferenza tal-aħbarijiet fl-okkażjoni ta' Jum il-Mara, il-Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli qalet li l-Bord għar-Relazzjonijiet tal-Impjiegi għaddej b’diskussjonijiet biex ir-rappreżentanti tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem jaslu għal proposti dwar kif tista’ tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-liġi tax-xogħol preżenti li tħares l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-pagi.
Fir-ritratt: slowgan li deher f'magazine femminist tal-1975, fil-Jum Internazzjonali tal-Mara għal dik is-sena