​Il-PL u l-AD ifakkru lil Karin Grech għall-ewwel darba flimkien

Il-Partit Laburista flimkien mal-Alternattiva Demokratika taw ġieħ il-memorja ta’ Karin Grech fejn il-mafkar tagħha f’San Ġwann.
Il-Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat indirizza grupp żgħir ta’ nies li nġabar u biex isellem miegħu l-memorja ta’ Karin Grech. Preżenti wkoll kien hemm iċ-Ċerpersin tal-AD Carmel Cacopardo.
Muscat qal li kieku llum Grech għandha 55 sena u ddeskriva lilha u lil Raymond Caruana bħala aħwa u li tnejn kienu sfaw vittmi bla ħtija.
Joseph Muscat irrefera għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u stqarr li b’differenza għall-passat, illum hemm nies li tressqu l-Qorti. Saħaq li l-istat irid isib il-moħħ u l-id wara dawn l-omiċidji. 
Importanti li dawn il-ġrajjiet jitfakkru -Cacopardo
Fiċ-ċerimonja, Cacopardo qal li huwa importanti li ġrajjiet bħal dawn jibqgħu jitfakkru. Huwa saħaq fuq l-importanza li dawn jiġu “mfakkra flimkien għax hekk biss jasal ċar il-messaġġ kontra l-intolleranza.”
Fi kliem Cacopardo, il-weġa’ tal-familja Grech u ta’ tant familji oħra hi “il-weġgħa tagħna lkoll’. Huwa temm jgħid li “il-vjolenza u azzjonijiet li jwasslu għaliha qatt ma jistgħu jitħallew jgħollu rashom."
Ritratt: PL