“Il-PL se jkun qed jieħu deċiżjonijiet importanti”

Luke Zerafa

Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg saħaq li hu se jibqa’ jaħdem bla heda, biex fi kliemu “ma nħallu l-ebda interess negattiv, l-ebda xkiel, ikissrilna l-għaqda li ssaħħaħna, l-għaqda li xxettell is-suċċess. Sostna li fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin, il-Partit Laburista se jieħu deċiżjonijiet importanti: “L-appoġġ kbir tagħkom huwa l-kuraġġ tiegħi. Xejn mhu se jżommni milli nagħmel dak kollu possibbli, biex flimkien nibqgħu nirnexxu”, kompla jgħid.

Fuq il-mezzi soċjali, Dr Borg stqarr li s-suċċessi tal-pajjiż fis-snin li għaddew inkisbu bl-għaqda, bl-għaqal, bl-umiltà u bil-konvinzjoni. Insista li bis-sehem ta’ kulħadd, “flimkien, kapaċi nibqgħu nirnexxu”. Żgura lis-segwaċi tiegħu li bl-istess impenn, “flimkien, bħala moviment, bħala Gvern, bħala poplu, se ndawru kull sfida li għandna quddiemna f’opportunità ta’ aktar ġid, aktar ġustizzja, aktar progress u aktar għaqda għall-familji kollha f’Malta u Għawdex”.

Żied jgħid li llejla, f’attività soċjali flimkien mal-familja tiegħu, se jkun qed jiltaqa’ ma’ aktar familji, li f’dawn l-aħħar ġimgħat “inkoraġġewna nkomplu mmexxu lill-partit tagħna ‘l quddiem, għall-ġid tal-pajjiż”.

Dr Ian Borg jissemma li huwa wieħed mill-kandidati interessati fit-tmun tal-partit.