Il-PL se jiftaħ in-nomini għal mexxej ġdid il-ġimgħa d-dieħla

Il-Partit Laburista (PL) ħabbar li se jinfetħu n-nomini għall-elezzjoni ta’ mexxej ġdid tal-partit fid-9 ta’ Diċembru.

Fi stqarrija l-PL qal li l-Eżekuttiv Nazzjonali tiegħu approva l-proċess li bih se ssir l-elezzjoni.  L-Eżekuttiv approva l-aġenda u d-dati għall-Konferenza Ġenerali u l-Kungress tal-membri.

In-nomini se jinfetħu nhar it-Tnejn 9 ta’ Diċembru u jagħlqu l-Erbgħa 11 ta’ Diċembru 2019. Il-Konferenza Ġenerali se ssir nhar it-Tnejn 6 u t-Tlieta 7 ta’ Jannar 2020.

Intqal li f’każ ta’ iktar minn żewġ kandidati jkun hemm vot fis-7 ta’ Jannar biex l-iktar tnejn li jġibu ammont ta’ voti jgħaddu għall-votazzjoni tal-Kungress. 

Il-Kungress se jsir fl-10, 11 u 12 ta’ Jannar, 2020, bil-votazzjoni mill-membri eleġibbli ssir fil-11 ta’ Jannar.  Il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Laburista flimkien mal-istrutturi rispettivi ser tkun responsabbli mill-proċess elettorali kollu.

Dan il-proċess skatta wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li se jirriżenja f’Jannar li ġej. F’messaġġ imxandar fuq l-istazzjon Nazzjonali TVM, il-Prim Ministru qal li huwa lest jerfa’ r-responsabbiltà anke fl-affarijiet li m’għandux x’jaqsam magħhom.

Joseph Muscat se jirriżenja f’Jannar