Il-PL se jieħu siġġu mill-PN fl-elezzjonijiet Ewropej – stħarriġ

Stħarriġ li sar wera li l-Partit Laburista (PL) se jkun qed jirbaħ siġġu ieħor filwaqt li l-Partit Nazzjonalista (PN) se jkun qed jitlef siġġu minn dawk li għandu fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li jmiss.

Skont stħarriġ li sar mill-Parlament Ewropew dwar l-intenzjonijiet tal-elettorat li sar f’kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea, il-PL mistenni jakkwista siġġu ieħor f’Mejju.

Bħalissa, kemm il-PL (parti mill-S&D) kif ukoll il-PN (parti mill-EPP) għandhom tliet siġġijiet il-wieħed. Dan ifisser li l-PL issa mistenni jkollu erba’ filwaqt li l-PN jispiċċa bi tnejn.

Skont stħarriġ li sar mill-Malta Today, 62.7% tal-poplu se jivvota għall-PL filwaqt li 36.4% se jivvutaw għall-PN.

Bħalissa, il-PE li jmiss huwa mistenni li jkollu 46 MEP inqas – bin-numri jinżlu minn 751 għal 705.