“Il-PL se japprova l-programm elettorali nhar l-Erbgħa” – Dr Joseph Muscat

Il-Partit Laburista mistenni japprova l-programm elettorali fil-jum tal-Erbgħa. Dan sostnieh il-Kap tal-Oppożizzjoni u Mexxej Laburista Joseph Muscat waqt li kien qed jitkellem f’ attività politika fl-Iklin. Dr Joseph Muscat semma l-bżonn tal-Whistleblower Act wara l-allegat każ ta’ koruzzjoni taż-żejt.

Dwar dak li semma l-eks deputat mexxej tal-Partit Laburista Anglu Farrugia fl-intervista f’ ‘The Sunday Times’, Dr Joseph Muscat irringrazzja lil dawk kollha li għamlu l-Partit Laburista f’dawn l-aħħar snin filwaqt li żied jgħid li dawn fehmu l-messaġġ li jkunu parti mit-tim li għen biex jinbena l-moviment ġdid.

Dwar il-proposta tas-separazzjoni tal-ambjent u l-ipjannar tal-MEPA, Dr Muscat sostna li ma jistax jifhem il-kritika tal-Prim Ministru u dan anke wara l-proposti maħruġa mill-Kummissjoni Ambjent fi ħdan il-Kurja li hi favur din il-proposta.

Dr Joseph Muscat sostna wkoll li fil-jum tat-Tlieta se jitħabbar il-pjan tal-Partit Laburista għal Għawdex filwaqt li l-programm elettorali se jkun approvat fil-jum tal-Erbgħa.