“Il-PL mhux il-Partit tal-ħitan” – Muscat

PL

Read in English.

Il-Prim Ministru Joseph Musat qal li l-Partit Laburista mhux il-partit tal-ħitan u jisma’ minn dak li qed jgħidlu l-poplu iżda għal sfidi ġodda jeħtieġ soluzzjonijiet innovattivi u mhux sempliċement li wieħed joqgħod ibeżża’ bir-realtajiet ġodda.

Meta kien qed jitkellem fl-Imsida, Muscat qal li l-ekonomija Maltija ma tiddependix fuq il-qasam tal-Kostruzzjoni iżda hu pilastru ieħor fost oħrajn.

Il-Prim Ministru qal li t-tkabbir ekonomiku mhux dipendenti fuq il-kostruzzjoni u l-pajjiż għandu tal-inqas tliet difiżi li ma jħallux dan il-qasam jagħmel li jrid.

Muscat qal li hija r-rebgħa li ddejjaq lin-nies u għalhekk tkellem b’mod ċar waqt laqgħa mar-rappreżentanti tal-qasam tal-kostruzzjoni biex ikun hemm iktar rispett lejn xulxin.

Fil-qasam tal-farmaċewtika, hemm nuqqas ta’ 177 spiżjar li mistennija jiżdiedu għal 250 meta l-kumpanija internazzjonli jibdew jopera f’Malta fil-qasam tal-kannabis mediċinali. Biex jintlew dawn il-postijiet mill-Maltin biss, meħtieġa sitt snin biex jiggradwaw biżżejjed spiżjar mill-Universita’ ta’ Malta.

Il-Kap Laburista qal l-Partit Nazzjonalista li qisu karozza li taħdem mingħajr sewwieq u direzzjoni u akkuża lill-kap tal-Oppożizzjoni li fil-beraħ appoġġa l-kandidatura ta’ Helena Dalli bħala Kummissarju Ewropew iżda minn taħt kien hemm diversi manuvri mmexxija minn esponenti tal-PN biex din ma tkunx approvata mill-Parlament Ewropew.

Muscat ma jistax jittieħed bis-serjetà meta jitkellem fuq is-sostennibilità – PN

F’reazzjoni għad-diskors ta’ Muscat il-Partit Nazzjonalista qal li iktar ma jgħaddi żmien, aktar Joseph Muscat qiegħed jammetti li ħoloq problemi ġodda għal Malta minħabba n-nuqqas ta’ pjan fit-tul tal-gvern li jmexxi hu.

“Ironikament, fl-istess waqt li Joseph Muscat kien qieghed jippriedka dwar is-sostennibiltà, wera kif l-unika soluzzjoni li għandu għall-problemi li ħoloq huwa stess hija li jkompli jimporta aktar cheap labour, aktar ħaddiema barranin; idea li se tkompli tkabbar il-popolazzjoni li diġa qed tikber bla kontroll,” qal il-PN.

Skont il-PN, Joseph Muscat qiegħed jidħak bin-nies meta qal li jrid jagħmel lill-Maltin sinjuri żgħar.

“Dan meta pajjiżna ra fost l-inqas tkabbir fil-pagi, tkabbir ta’ 1.1%. Il-medja tat-tkabbir fil-pagi fl-Unjoni Ewropea kienet ta’ 2.9%.”