Il-PL ma jistax jibqa’ jiddefendi politiċi li kellhom jirriżenjaw – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit Laburista ma jistax jibqa’ jiddefendi politiċi li kellhom jirreżenjaw u proġetti li jista’ jkun hemm imdaħħla l-korruzzjoni bħall-proġett tal-powerstation tal-Electrogas. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’konferenza stampa qal li l-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni biex issir inkjesta pubblika iżda l-Partit Laburista ma riedx.

Matul din il-konferenza stampa li l-għan tagħha kien biex il-Partit Nazzjonalista jkompli jispjega t-12-il pilastru tal-viżjoni tiegħu juri t-triq fejn irid iwassal il-pajjiż.  

Il-Kap tal-Opppożizzjoni qal li ż-żgħażagħ qegħdin jersqu lejn il-Partit Nazzjonalista għax qegħdin jifhmu li flimkien jistgħu jagħmlu pajjiż aħjar. Kompla li l-pajjiż jista’ jimxi ‘l quddiem hekk wieħed jifhem li r-responsabilità hija ta’ kulħadd u mhux tal-politiċi biss.

Grech spjega kif il-Partit Nazzjonalista jrid li jibni fuq l-esperjenza tal-passat u fuq l-enerġija taż-żgħażagħ. Grech tkellem ukoll dwar il-persuni li jinsabu mħassba minħabba l-imxija tal-Covid-19 u saħaq li huma wkoll jgħarrfu li l-Partit Nazzjonalista jrid futur aħjar għal kulħadd.

Il-Kap tal-PN tkellem dwar Għawdex u enfasizza li kien u se jibqa’ għal qalb il-PN, u ddeskriva lil Għawdex bħala l-post li juri kif wieħed jista’ jista’ jkun aħjar. Huwa qal li l-PN se jibqa’ kontinwament jiżviluppa politika għal Għawdex flimkien mal-Għawdxin, politika pożittiva għall-istudenti, il-ħaddiema, il-familji u l-anzjani Għawdxin sabiex jippresevaw l-karatteristiċi ta’ Għawdex u ma jintilifux.