Il-PL ma jiċħadx l-allegazzjonijiet kontra l-AFM

Read in English.

Il-Partit Laburista ma ċaħadx l-allegazzjonijiet li saru kontra l-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) li għamlu ħsara lil dgħajsa li kienet qed iġġorr l-immigranti.

Fi stqarrija l-PL qal li sar “attakk sistematiku” fuq membri tal-AFM. Il-PL fl-ebda punt tal-istqarrija tiegħu ma ċaħad l-allegazzjonijiet li ġew irrappurtati f’mezzi tax-xandir internazzjonali.

“Huwa tassew ta’ min jistmerru l-azzjoni li ħadu l-Kelliem tal-Ġustizzja tal-Partit Nazzjonalista Jason Azzopardi flimkien mal-eks-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Paul Borg Olivier u l-Avukat Andrew Borg Cardona, fost oħrajn, fil-konfront tal-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, partikolarment l-ekwipaġġ tal-patrol boat P52,” qal il-PL.

Skont il-PL dan kien attakk sistematiku li qed isir fuq membri tal-AFM waqt li ħajjithom tkun f’riskju għax ikunu “qed jiddefendu u jaraw li l-interessi ta’ pajjiżhom stess, ikunu ssalvagwardjati”.

“Li jispiċċaw ikunu singled out membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, hija tattika li ġġib stmerrija. L-ewwel u qabel kollox għax il-Forzi Armati ta’ Malta flimkien ma’ din il-patrol boat u l-ekwipaġġ tagħha kienu minn ta’ quddiem sabiex salvaw eluf ta’ ħajjiet minn fuq il-baħar. It-tieni, iż-żmien partikolari li għaddejjin minnu bħalissa, meta r-riżorsi kollha tal-pajjiż huma użati sabiex tkun miġġielda l-imxija ta’ Covid-19, fosthom il-Forzi Armati ta’ Malta li lkoll qegħdin ikunu ‘il bogħod mill-familji tagħhom u s-sigurtà ta’ darhom,” qal il-PL. Il-PN irringrazzja lis-suldati “tal-ħidma bla waqfien tagħhom.”

L-għaqda Repubblika daħħlet żewġ denunzji għand il-Kummissarju tal-Pulizija wara allegazzjonijiet li qalu li patrol boat tal-Forzi Armati ta’ Malta poġġew ħajjet grupp ta’ immigranti f’periklu fuq il-baħar.

Fi stqarrija Repubblika qalet li l-ewwel denunzja hi fil-konfront tal-ekwipaġġ tal-patrol boat tal-Forzi Armati P52. Dan hekk kif skont rapporti fil-mezzi internazzjonali, membru tal-ekwipaġġ tela’ fuq dinghy tal-immigranti u qatgħalhom il-cable tal-magna. Ġie allegat ukoll li kien hemm xi ħadd Malti li qalilhom li Malta ma tridhomx. Din l-allegazzjoni qatt ma ġiet miċħuda la mill-Forzi Armati u lanqas mill-Gvern. Eventwalment il-Gvern ordna li l-passiġġieri li kienu fuq id-dinghy jiddaħħlu Malta u issa qegħdin jinżammu fi kwarantina.

Repubblika qalet li jekk l-allegazzjonijiet huma veritieri allura l-aġir tal-ekwipaġġ ta’ P52 jidher li wettaq attentat ta’ omiċidju li ma wassalx għall-mewt għax issewwa wara ordinijiet differenti mill-gvern. Insistiet li dan l-att jeħtieġ ikun investigat skont il-liġi.