Il-PL ma jgħidx il-Grupp db x’jonfoq f’reklami fuq il-midja tiegħu

Il-Partit Laburista ma jridx jgħid kemm jonfoq il-Grupp db f’reklami fuq il-midja tal-PL. Dan joħroġ minn tweġiba li l-Kap Eżekuttiv tal-PL, Gino Cauchi, ta għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt. 
Aktar kmieni s-Sibt, f’risposta għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp db, Arthur Gauci, wara li kkonferma li l-grupp tiegħu jagħmel reklami fuq il-midja tal-PL, żied jgħid li ma għandux problema li l-PL jagħti din l-informazzjoni.
Iżda Gino Cauchi, f’risposta għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, dehrlu li “mhux etika li wieħed jistaqsi għal dettalji li jinvolvu arranġamenti kummerċjali, li kumpanija kompetitur fis-suq tal-kumpanija li qed tikteb f'isimha, jista' jkollha ma’ klijenti attwali jew potenzjali tal-kumpanija tiegħek stess.”
Għall-kuntrarju ta’ dak li għamel il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp db, il-Kap Eżekuttiv tal-PL ma kkonfermax li l-Grupp db għamel reklami fuq il-midja tal-PL. Qal biss li jekk saru reklami “dawn kienu koperti b'advertising agreements u bl-involviment ta’ agenziji tar-riklamar. Jekk kien hemm, dawn ixxandru fir-realtà u jeżisti logging tagħhom.”
Il-mistoqsijiet saru fid-dawl tal-kontroversarja dwar l-art f’Paceville
Newsbook.com.mt għamel din il-mistoqsija fid-dawl tal-kontroversja preżenti dwar l-art li l-Grupp db ingħata mill-Gvern fiż-żona magħrufa bħala l-Golden Mile f’Paceville. Fuq din l-art sa issa kien hemm il-bini tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi. Il-prezz ta’ €15-il miljun kien ikkritikat mill-Kamra tal-Kummerċ, mill-Għaqda tal-Iżviluppaturi, mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u Ristoranti u mill-partiti politiċi kollha, barra l-Partit Laburista.
Il-Ħadd li għadda Dr Simon Busuttil qal li l-PN mhu fil-but ta’ ħadd tant li kien se jitlob lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga l-ftehim bejn il-Gvern u l-Grupp db. Il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp imbagħad talab lill-PN biex irodd id-donazzjonijiet li kien irċieva mingħandu biex skont hu jitħallsu l-pagi ta’ uffiċjali għolja tal-PN.
Il-Kap Eżekuttiv tal-PL qal lil Newsbook.com.mt li “l-kumpanija ONE qatt ma kienet użata biex jinħbew arranġamenti llegali bħal dawk li daħlu għalihom il-Partit Nazzjonalista biex jgħatti l-fatt li kien daħal fil-but ta’ xi ħadd biex l-eluf f'salarji tas-Segretarja Ġenerali u s-CEO jitħallsu minn imprenditur privat.”
Il-Ħadd li għadda il-PN fi stqarrija caħad li l-Grupp db kien qed iħallas il-pagi ta’ l-uffiċjali tiegħu.
Gino Cauchi żied jgħid li sa fejn jaf hu l-PN “qatt ma ħareġ dettalji dwar l-ammonti ta’ riklami mill-Grupp db. Kien il-Grupp db li ppubblika l-ammont ta’ kemm taw f'donazzjonijiet lill-Partit Nazzjonalista. Il-PN ma kellu l-ebda alternattiva ħlief li jikkonferma kemm ingħata wara li nkixef u nqabad.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-PL qal li “l-Partit Nazzjonalista issa ilu sitt ijiem jiġi sfidat biex jippubblika l-invoices ta’ dak li ntqal li kienu servizzi lill-Grupp db, liema grupp pubblikament ċaħad li ngħataw.”
Kien il-PN li t-Tnejn li għadda fi stqarrija qal li l-grupp kien ta’ €3,500 lil PN u €70,000 bħala reklami lill-kumpanija tal-midja tal-PN. Wara din l-istqarrija l-grupp db ħareġ stqarrija li fiha qal li kien ta €77,000.