Il-PL jiżvela aktar dettalji fuq Jason Azzopardi

Il-Ministru Owen Bonnici qal li għandu informazzjoni ġuramentata li fiha Jason Azzopardi qal lil Zaren Vassallo li se jfittex kompromess wara li nżammet laqgħa bejniethom fuq l-art f’Ħal Qormi fejn kien hemm il-fabbrika tal-Lowenbrau u li hija stmata €8 miljuni.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Bonnici tenna li Jason Azzopardi mhux biss kien jaf bil-file tal-każ kif qal l-Awditur Ġenerali fir-rapport tiegħu, iżda wkoll iltaqa’ ma’ Zaren Vassallo.
Il-Ministru tal-Ġustizzja spjega kif l-art tal-Istabal f’Ħal Qormi ngħatat lil Lowenbrau fl-1990 bil-kundizzjoni li l-art tintuża biss għal skopijiet ta’ produzzjoni ta’ xorb alkoħoliku u non-alkaħoliku.
Fl-2009, LBM Breweries (Lowenbrau Ltd) ftiehmet ma’ Vassallo Builders biex il-kumpanija ta’ Vassallo tixtri l-ishma kollha tal-kumpanija bil-patt li fiż-żmien seba’ ġimgħat jinfeda ċ-ċens u jiġu kkanċellati l-kundizzjonijiet tal-art fosthom li l-art ma tibqax biss għall-produzzjoni tax-xorb.
Owen Bonnici ssokta jgħid li f’Diċembru 2009, il-Gvern Nazzjonalista aċċetta li jinfeda ċ-ċens tal-art u jinbiegħ id-dirett dominju mingħajr riżoluzzjoni Parlamentari jew tender filwaqt li ġew illiberati l-ħlas taċ-ċens u l-kundizzjonijiet kollha wara li Vassallo Builders iħallsu €465,875.
Il-Ministru spjega kif wara li l-Kummissarju tal-Artijiet bagħat ittra biex jitħassar il-kuntratt iffirmat f’Diċembru tal-2009, b’intervent dirett ta’ Jason Azzopardi, flok tkomplew il-proċeduri legali, inħatar kumitat ta’ tliet Periti li stmaw l-art b’valur €706,400 minflok €8 miljuni kif kien stmaha l-Awditur Ġenerali.