Il-PL jitlob lil Delia jieħu azzjoni dwar Toni Bezzina

Il-Partit Laburista talab lill-Kap Nazzjonalista, Adrian Delia, biex wara li l-Qorti ċaħdet l-appell ta’ Toni Bezzina, jieħu l-passi neċessarji hu dwar id-Deputat Nazzjonalista Bezzina, li hu wkoll kandidat għal Viċi-Kap tal-PN.
Ilbieraħ il-Qorti m'aċċettatx l-appell ta’ Bezzina, dwar artiklu li kien deher fl-2012 fil-gazzetta Kullħadd. Minkejja dan Bezzina enfasizza li l-Partit Laburista gideb dwaru.
Il-każ idur ma' libelli ta' Bezzina kontra l-Kullħadd, li fl-2012 kiteb li Bezzina bagħat ħaddiema tal-Gvern jagħmlu xi xogħol f'każin Nazzjonalista ż-Żurrieq.
Illum fi stqarrija l-PL irrimarka li l-Qorti kkonfermat li kien hu li bagħat lil dawn il-ħaddiema, u żied jgħid li mhux minnu dak li qal Bezzina fil-Qorti, li l-midja tal-PL gidbet dwaru.
Hawnhekk il-PL ikkwota dak li qalet il-Qorti, ““kien għalkollox barra minn loku li l-attur jingaġġa impjegati pubbliċi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu biex jagħmlu xogħol fil-każin tal-Partit Nazzjonalista ġewwa ż-Żurrieq.”
Meta fl-2016 Bezzina  kien tella’ l-Qorti fuq malafama lill-midja Laburista, iżda kien tilef il-kawża, hu kien appella s-sentenza, u l-Kap tal-PN ta’ dakinhar Simon Busuttil, kien qal li se jistenna l-eżitu tal-appell biex jara x’jagħmel b’Bezzina.
Il-PL temm jgħid li lbieraħ ir-riżultat tal-appell ħareġ, u għalhekk issa Delia jrid jara x’passi se jieħu.