Il-PL jipproponi servizz pubbliku bil-baħar bejn Għawdex u l-Belt Valletta

Fil-bidu ta’ ġurnata mimlija attivitajiet u laqgħat f’Għawdex, il-Mexxej Laburista qal li fost il-proposti tal-Partit Laburista għall-gżira Għawdxija se jkun hemm li jinbena terminal żgħir biex ikunu jistgħu jitrakkaw il-cruiseliners. Dr Muscat qal li għad m’hemmx post definit imma qed jikkunsidra l-Imġarr bħala post li hu diġà żviluppat.

Dr Muscat qal li biex madwar 3,000 ħaddiem u studenti Għawdxin f’Malta ma jitilfux iktar ħin, se tiġi studjata l-introduzjoni ta’ servizz ta’ trasport pubbliku bil-baħar minn Għawdex għal Belt Valletta.

Il-proposti għal Għawdex huma:

• Bini ta’ terminal tal-cruiseliner
• Servizz aħjar ta’ ħelikopter
• Investiment fiċ-Ċentru tal-Artiġjanat f’Ta’ Dbiegi
• Iktar investiment fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u anke jintuża bħala ċentru għall-istudju tal-mediċina
• Il-kura tal-kimoterapija tingħata mill-Isptar ta’ Għawdex stess
• Il-Qorti ta’ Għawdex ikollha imħallef permanenti
• Kreditu fuq it-taxxa imħallsa ta’ €50,000 fuq perjodu ta’ 4 snin għall-bidu ta’ negozju
• Negozji Għawdxin li se jimpjegaw nies ġodda b’kuntratt indefinit se jingħataw €5,000 f’rifużjoni fuq il-paga ta’ kull ħaddiem ġdid.
• Il-PL qed jipproponi li jkun hemm servizz ta’ trasport pubbliku bil-baħar bejn Għawdex u l-Belt Valletta
• Se jagħmel riċerka dwar link permanenti bejn Malta u Għawdex
• Prezzijiet imraħħsa tal-Gozo Channel għal min iqatta’ imqar lejl wieħed biss f’Għawdex
• L-ipproċessar ta’ dokumenti u xogħol tal-Gvern jista’ jiġi trasferit lejn Għawdex
• Iktar korsijiet ta’ livell Universitarju għandhom jibdew jingħataw f’Għawdex
• F’Dar Malta fi Brussell għandu jkun hemm rappreżentant għal Għawdex