Il-PL jippreżenta 86 kandidat – Muscat jgħid li għadu l-‘underdog’

Dalgħodu l-Partit Laburista ppreżenta uffiċjalment is-86 kandidat għall-elezzjoni ġenerali tad-9 ta’ Marzu.

Il-Mexxej Laburista Dr Joseph Muscat sejjaħ din il-kandidatura bħala l-iktar kandidatura b’saħħitha.

Dr Muscat beda d-diskors tiegħu billi qal li ma jridx li f’Malta jkun hawn politika tribali għax “aħna aħwa Maltin”.

48% mija tal-kandidati Laburisti qed jikkontestaw għall-ewwel darba, 19% għandhom inqas minn 35 sena filwaqt li 14% tal-kandidati kollha huma nisa. Mistoqsi minn Newsbook dwar il-fatt li l-Partit Laburista qed jippreżenta inqas kandidati nisa mill-Partit Nazzjonalista, Dr Muscat wieġeb li mill-aħħar elezzjoni ġenerali l-Partit Laburista għandu iktar kandidati.

Tkellem dwar il-kandidati veterani u dawk ġodda u qal li dan huwa sinjal b’saħħtu ta’ kontinwità u innovazzjoni.

Il-Mexxej Laburista qal li l-partit tiegħu ma marx għall-politika tal-irkant u l-kwistjoni mhix min se jonfoq l-iktar iżda min se juża l-aħjar riżorsi u jinvesti l-aħjar.

Dr Joseph Muscat sostna li minkejja kollox, hu jqis li l-Partit Laburista għadu l-under dog f’din il-ġirja għall-elezzjoni. Dan minħabba, qal Dr Muscat li f’dawn l-aħħar jiem il-Gvern qed jagħmel minn kollox biex jibqa’ marbut mas-siġġu tal-poter.

Mistoqsi wkoll minn Newsbook dwar il-pagi ta’ persuni appuntati f’ċertu karigi, Muscat qal li “kollox għandu jkun fil-mod raġonevoli”.

Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar l-artiklu li qed jidher illum fil-ġurnal In-Nazzjon, dwar kummenti tas-Segretarju Ġenerali tal-GWU lil negozjatur, Dr Muscat qal li “ħadd m’għandu dritt jitkellem f’isem il-Partit Laburista”. Qal li stqarrijiet u kummenti joħorġu biss minn kelliema tal-Partit. Sostna li qed jistenna li joħorġu fil-midja l-kummenti sħaħ ta’ Tony Zarb u li l-GWU tgħid il-pożizzjoni tagħha.