Aġġornata: Il-PL jippersisti fuq il-mina; jgħidu li “Adrian Delia reġa’ darlu”

Il-Partit Laburista qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia reġa’ darlu dwar il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex.

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg u l-kandidat Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Felix Galea Busuttil indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet li fiha qalu li l-Partit Laburista fil-Gvern se jwettaq il-wiegħda tal-proġett tal-mina.

Il-Ministru Caruana saħqet li bħala Għawdxin jafu l-proġett x’se jfisser u l-konsegwenzi pożittivi li se jġib fuq il-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin. Il-Ministru Borg saħaq li l-unika partit politiku li jieħu lill-Għawdex bis-serjetà huwa l-Partit Laburista. Qal li l-proġett tal-mina li ser ikun l-ikbar proġett infrastrutturali, saret kwistjoni ta’ kreddibilta. Il-Kandidat għall-Parlament Ewropew Felix Galea Busuttil saħaq li l-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer hija ta’ importanza kbira u għalhekk se jsiru studji serji kemm dak ġeoloġiku, ambjentali kif ukoll demografiku biex l-impatt tal-mina jkun wieħed pożittiv.

Joseph Muscat u Adrian Delia ilhom għaddejjin b’botta u risposta dwar il-mina mill-ewwel dibattitu bejn il-mexxejja li sar il-Ħamis li għadda.

AQRA: L-ewwel dibattitu bejn Muscat u Delia

L-10 pilastri ewlenin ta’ Felix Galea Busuttil

Fi stqarrija separata, Galea Busuttil tkellem fuq l-għaxar pilastri ewlenin fil-politika tiegħu, fosthom il-viżjoni tiegħu dwar l-ambjent, id-drittijiet tal-animali, l-ugwaljanza u d-drittijiet li għandu jkollu kull artist, bħala rikonoxximent tal-istatus ta’ artist. Fisser kif l-ugwaljanza ma tfissirx li kulħadd jingħata l-istess drittijiet ċivili jew kwoti, għalkemm wieħed irid jara l-importanza tagħhom ukoll, iżda li kulħadd ikollu l-istess opportunità li jgħix ħajtu kif jixtieq, li jiviluppa t-talenti u l-karriera tiegħu kif u kemm jixtieq u li jieħu d-deċiżjonijiet fl-aħjar interess tal-familja tiegħu.

L-Oppożizzjoni qatt ma tat carte blanche lill-Gvern- il-PN

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista qalet li bil-vot tagħha favur il-mina fil-Parlament qatt ma tat carte blanche lill-Gvern. Spjegat ukoll li ma tat l-ebda mandat lil Joseph Muscat biex jagħmel li jrid bla ma jimpurtah mill-istudji u l-konsultazzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista qal li fil-Parlament, l-Oppożizzjoni ressqet emendi għall-mozzjoni tal-Gvern fuq il-konnettività tal-gżejjer u talbitu jippubblika l-istudji bħall-Environmental Impact Assesment u Strategic Impact Assessment.

F’attività politika f’Għawdex nhar is-Sibt li għadda, Adrian Delia saħaq li għandha ssir konsultazzjoni pubblika dwar il-mina.

AQRA: Adrian Delia jrid konsultazzjoni pubblika dwar il-mina