Il-PL jinsisti għal azzjoni mill-Oppożizzjoni dwar deputat tagħha

Il-Partit Laburista qed jinsisti li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jieħu azzjoni dwar il-kelliem tiegħu Toni Bezzina, li qed jiġi allegat li ġiegħel lil ħaddiema tal-Gvern jiffirmaw dikjarazzjoni falza qabel l-elezzjoni ġenerali ta’ sentejn ilu.
Il-PL qed jgħid li l-każ żvelat fl-aħħar jiem hu wieħed serju u hu test ieħor ta’ responsabilità politika għal Simon Busuttil u għalhekk qed jinsisti li ma jistax jibqa’ sieket.
Skont il-PL, Toni Bezzina ġiegħel lil ħaddiema tal-Gvern li kienu għamlu xi xogħol fil-każin Nazzjonalista taż-Żurrieq, biex jiddikjaraw li dan sar minn jeddhom u wara l-ħin tax-xogħol meta dan ma kienx il-każ.
Il-partit fil-Gvern qed jgħid li l-amministrazzjoni preċedenti ħbiet l-inkjesta li kienet saret qabel l-elezzjoni ġenerali biex Toni Bezzina tħalla jikkontesta fuq il-Ħames Distrett u ġie elett.