Il-PL jilqa’ unanimament proposta għal-liġi l-ġdida tal-IVF

Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, ħabbar li l-Grupp Parlamentari Laburista approva b’mod unanimu l-proposta ta’ liġi l-ġdida tal-IVF li tressqet mill-Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne.
Meta kien qed jitkellem ilbieraħ waqt l-attivitajiet biex jitfakkar Jum il-Ħelsien, il-PM enfasizza li l-ikbar tislima lejn it-tifkira ta’ dan il-jum għandha tkun dik li l-pajjiż jibqa’ jiġġedded.
Sostna li dan isir b’bidliet fil-liġi tal-IVF sabiex il-liġi l-ġdida tkun ibbażata fuq l-ugwaljanza u favur il-ħajja.
Fakkar kif fl-ewwel ħames snin ta’ dan il-Gvern kienu indirizzati l-ħolqien tal-ġid u t-tqassim tiegħu. Dan filwaqt li saru numru ta’ bidliet importanti bħaż-żwieġ indaqs, it-tneħħija taċ-ċensura u s-supremazija tal-qrati ċivili fuq dawk ekkleżjastiċi.
Il-Prim Ministru tenna kif se jkun hemm min jerġa’ jivvinta l-qlajjiet u min ibeżża’ mill-bidla iżda bħalma ma beżgħetx il-ġenerazzjoni li kisbet il-ħelsien 39 sena ilu, l-istess m’għandiex tibża’ l-ġenerazzjoni tal-lum.
Tkellem ukoll dwar ir-rappreżentazzjoni tan-nisa fil-qasam politiku, u rrimarka li din għandha tissejjes fuq l-istess valuri tal-ugwaljanza.
Issa d-diskussjoni dwar dil-liġi l-ġdida tal-IVF trid titla’ fuq l-aġenda tal-Parlament u l-pajjiż ladarba l-parlament jissokta wara l-btajjel tal-Għid.