Aġġornata: Il-PL jikkummenta dwar il-kuntratt ta’ San Vinċenz; il-PN irid investigazzjoni

Archives

Il-Partit Laburista qal li l-Membru Parlamentari Nazzjonalista Mario de Marco ddefenda fil-Qorti kuntratt dwar l-estensjoni ta’ San Vinċenz, liema kuntratt il-Partit Nazzjonalista qed jikkontesta. F’risposta, il-PN  qal li l-Oppożizzjoni qed titlob lill-Awditur Ġenerali jinvestiga l-għoti ta’ dan il-kuntratt.

Fi stqarrija l-PL qal li jekk jixtieq aktar informazzjoni dwar l-estensjoni tar-residenza San Vinċenz de Paul jista’ jistaqsi lil de Marco. Skont il-PL de Marco huwa r-rappreżentant tal-konsorzju privat li rebaħ it-tender u li bħala avukat rebaħ kull appell li tressaq kontra l-kuntratt. Il-partit żied jgħid li l-eks Ministu Nazzjonalista George Pullicino huwa l-Perit li ddisinja l-proġett.

Il-PL qal ukoll li huwa stramb kif il-Kap tal-PN Adrian Delia ltaqa’ mal-investituri biex jirċievi informazzjoni diretta u li “issa qed jitlob għad-dettalji li kien qal li diġà għandu”.

Illum Delia tkellem fuq it-talba li saret mill-PN stess lill-Awditur Ġenerali fuq il-kuntratt ta’ kwart ta’ biljun li nħareġ b’direct order fuq il-gazzetta tal-Gvern. Delia rrefera għall-każ bħala wieħed li juri li l-Gvern qiegħed f’ “konfużjoni miegħu inifisu”. Delia qal li jeżistu liġijiet kemm Maltin kif ukoll Ewropej ta’ kif għandhom jingħataw il-kuntratti pubbliċi. Huwa saħaq li l-Oppożizzjoni se tkun bħal seqer fuq l-għoti tal-kuntratti.

Il-PL qal li fid-diskors tiegħu, Delia ma qalx jekk kienx jaf bl-involviment ta’ de Marco bħala l-konsulent legali tal-kumpanija li rebħet il-kuntratt.”

Gvern f’konfużjoni – PN

F’risposta, il-PN qal li l-Gvern spiċċa f’konfużjoni biex jispjega l-proċedura li ntużat fl-għoti tal-kuntratt tal-estensjoni ta’ 500 sodda f’San Vinċenz. Fakkar kif ġie rrapurtat li l-Ministru tal-Finanzi ma kienx jaf bil-€274 miljun għall-estenzjoni.

Mingħajr ma wieġeb għal li qal il-PL dwar Mario de Marco, il-PN qal li minflok jagħżel li jwieġeb, il-Gvern spiċċa jattakka. “In-nies qed jistennew sistema ta’ għoti ta’ kuntratti li tkun waħda trasparenti u li l-kuntratti pubbliċi jingħataw skont il-proċeduri u skont il-liġi” qal il-PN.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed titlob lill-Awditur Ġenerali jinvestiga l-għoti ta’ dan il-kuntratt. Il-PN qal li l-Gvern għadu ma ċċarax jekk dan kienx direct order jew le. Il-PN qal li ma jikkritikax il-kuntratturi jew lin-negozjanti.