Il-PL jgħid lil Delia li qaleb kollox ta’ taħt fuq

Il-Partit Laburista qal li f’Għawdex mhux vera hemm 60% tal-ħaddiema jaħdmu mal-Gvern, u sostna li l-Kap Nazzjonalista qaleb kollox ta’ taħt fuq għax fil-verità hemm 61% jaħdmu mal-privat.
Ilbieraħ Adrian Delia waqt attività politika fir-Rabat Għawdex, u ħin minnhom qal, “L-istatistika li smajt hija tal-biża’ u tat-tkexkix. 60% tax-xogħol Għawdxi huwa mal-Gvern,”, ikkwotah il-PL.
Fl-istqarrija tiegħu l-PL qal li l-istatistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi mod ieħor, u bagħat ukoll it-tabella li turi kif 61% tal-ħaddiema f’Għawdex jaħdmu mal-privat, mhux mal-Gvern.
Il-partit qal li huwa tal-biża’ u t-tkexkix li l-Kap tal-Oppożizzjoni għadu ma fehemx ir-responsabbiltà li jġorr u jibqa’ jitkellem mingħajr ma jiċċekja l-fatti.
Talbu jifhem li daħal fid-dinja tal-politika fejn, skontu, ma titkellimx bl-addoċċ imma titkellem wara li tifli l-fatti bir-reqqa u tipprepara.