Il-PL jgħid li l-PN qed jivvinta

Il-Partit Laburista fi stqarrija qal li l-proviżjonijiet legali kollha li jikkriminalizzaw l-abort u jipproteġu lit-tarbija fil-ġuf mhux qed jintmessu bil-liġi dwar vjolenza abbażi tal-ġeneru u vjolenza domestika li l-Gvern qed jipproponi. It-tibdil fil-liġi, jgħid il-PL, mhu se jneħħi l-ebda protezzjoni lit-tarbija fil-ġuf. L-istess stqarrija tgħid li l-Gvern Laburista hu ċar dwar il-pożizzjoni tiegħu kontra l-abort.
Il-PL qal ukoll illi l-liġi proposta hi mmirata sabiex tipproteġi vittmi mill-vjolenza kemm permezz tal-prevenzjoni, u billi ddaħħal strutturi u pieni li jindirizzaw lill-perpetraturi.
L-istqarrija tal-PL jidher li ħarġet bi tweġiba għall-istqarrija tal-PN aktar kmieni Illum u għad-diskussjoni li qamet wara li l-membri parlamentari Nazzjonalisti riedu li fil-liġi proposta jibqa’ l-provediment tal-liġi preżenti li ssemmi b’mod espliċitu t-tarbija mhux imwielda bħala parti mill-familja.
Il-liġi li qed jipproponi l-Gvern tneħħi dan il-provediment għax skont il-Gvern it-tarbija mhux imwielda hija mħarsa biżżejjed għax il-liġi tagħmel riferenza għad-dixxendent fil-familja u li dan għandu jinftiehem bħala riferenza għat-tarbija mhux imwielda.
Appell ħerqan minn George Vella
F’artiklu li Dr George Vella eks Deputat Kap tal-PL u Eks Deputat Prim Ministru kiteb fil-gazzetta Times of Malta, qal li huwa jappella bil-qawwa biex fil-liġi li qed jipproponi l-Gvern iħalli l-provediment preżenti għax dan jipproteġi aħjar lit-tarbija mhux imwielda.
Vella qal li l-proposta tal-Gvern dwar axxendent u dixxendent hija proposta vaga li ma tipproteġix biżżejjed lit-tarbija mhux imwielda. Huwa żied jikteb illi jekk il-Gvern ma jinkludix it-tarbija mhux imwielda bħala parti – kif inhi illum – mid-definizzjoni ta’ familja, jintbagħat messaġġ żbaljat.