Il-PL jgħid li l-Kap tal-PN falla fl-ewwel test

Owen Bonnici - Glenn Bedingfield Nov2020
Ritratt: PL

Il-Ministru Owen Bonnici u l-Whip tal-Partit Laburista Glen Bedingfield qalu waqt konferenza tal-aħbarijiet li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, falla l-ewwel test ta’ governanza tajba peress li ma ħax passi kontra l-Membru Parlamentari Jason Azzopardi.

Bonnici u Bedingfield qalu li l-PN jimxi b’double standards. Huma qalu wkoll li Grech huwa dgħajjef, għandu idejh marbuta u li ma jistax jittieħed bis-serjetà.

Il-PL ħa din il-pożizzjoni wara li l-Ħadd il-gazzetta Illum ħabbret li fl-2017 Azzopardi kien għamel żjara fil-Hilton f’Tel Aviv, u li għaliha ħallas il-Grupp Tumas li jmexxi l-Hilton f’Malta.

Azzopardi qal li huwa kien talab lil Ray Fenech ta’ Tumas Group biex jgħinu jsib lukanda f’Tel Aviv għax beda jsib diversi lukandi mimlijin. Żied jgħid li meta mar biex iħallas qalulu li l-kamra kienet imħallsa diġà. Azzopardi qal li meta ġie Malta mar xtara rigal mingħand ħanut tal-fidda u ħallieh fir-reception tal-uffiċċju ta’ Fenech biex ma jkollux obbligazzjonijiet lejh.

Bedingfield iddeskriva din l-ispjegazzjoni bħala waħda “pwerili” u li la l-Kap tal-PN ma qal xejn “minkejja l-ħafna diskors u buzz words li għamel” issa jrid jerfa’ r-responsabbiltà hu.

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal ma’ Newsbook.com.mt illi huwa tant hu ċert li ma kiser l-ebda liġi u l-ebda etika meta ħalla lil Tumas Group iħallaslul-kont tal-lukanda meta fl-2017 żar Tel Aviv għal tieġ, li se jikteb lill-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika, Dr George Hyzler, biex jinvestiga dan il-każ. Azzopardi żied jgħid li jaf li l-liġi tagħti lil Hyzler poter li jinvestiga każi mill-2018 u għalhekk huwa se jeżonara lil Hyzler minn dan l-obbligu u jagħtih permess jinvestigah xorta waħda.

Blogg ta’ Georg Sapiano:
What a difference a stay makes