Aġġornata: Il-PL jgħid li l-Kap Nazzjonalista għażel li ma jraħħasx it-tariffi tal-enerġija

Il-Partit Laburista rrefera għal parti mid-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fil-Parlament ilbieraħ u qal li l-Kap Nazzjonalista, fl-aħħar leġiżlatura, kellu l-istess pjan tal-enerġija li qed idaħħal il-Gvern illum.
Akkużah li seta’ jraħħas il-kontijiet imma għażel li ma jraħħashomx u li jibqa’ għaddej  bix-xiri taż-żejt waqt li kien għaddej l-iskandlu marbut max-xiri taż-żejt.
Il-Partit Laburista nsista li l-Kap Nazzjonalista mhux jitwemmen għax m’għandux kredibilità.
Fid-dibattitu Parlamentari, Simon Busuttil ġie kkwotat li qal li l-PN kellu l-istess proposta ta’ power station imma ma laqagħhiex għax ried iraħħas it-tariffi tal-enerġija bl-interconnector kif qed jagħmel il-Gvern illum
Reazzjoni mill-PN:
F'reazzjoni l-PN qal li d-dikjarazzjoni ta' Simon Busuttil ilbieraħ tikkonferma li l-power station ta' Joseph Muscat kienet miftehma qabel l-elezzjoni ġenerali. 
Saħaq li dan hu eżempju ċar tal-mentalità korrotta ta' Joseph Muscat, u li l-uniku roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma ma sarx minħabba l-power station imma minħabba l-interconnector  u għaliex il-prezz internazzjonali taż-żejt raħas għal terz li kien. 
Il-Kap tal-PN tenna li malli jkun fil-Gvern se jinnegozja għall-orħos prezzijiet tal-enerġija, "mhux kif għamel Muscat u rabat il-prezz għoli għal 18-il sena sħaħ". Tenna li Muscat qed ikompli jisraq il-familji u lin-negozji bl-ogħla prezzijiet tal-fuel fl-Ewropa.