Il-PL jgħid li kkumplotta kumpens għalih; iwieġbu li qed jattakkah biex jgħatti xturu

Il-Partit Laburista qal li d-Deputat Nazzjonalista, Karol Aquilina, bl-għemil tiegħu wera li mhux ta’ min jitkellem fuq governanza tajba. Fi tweġiba lura Aquilina rrimarka li l-PL qed jaqbad miegħu biex jgħatti xturu.
Il-kwistjoni qamet wara mistoqsija parlamentari li saret ilbieraħ mid-Deptata Laburista, Rosianne Cutajar, li staqsiet lill-Prim Ministru, Joseph Muscat, dwar il-pożizzjonijiet li kellu Aquilina taħt żewġ amministrazzjonijiet preċedenti Nazzjonalisti, l-ewwel darba fl-2003 u t-tieni darba fl-2008.
Mit-tweġiba ta’ Muscat irriżulta li fit-12 ta’ Novembru tal-2003, Aquilina kien ingaġġat fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru bħala person of trust fl-irwol ta’ Projects Co-ordinator.
Dan il-kuntratt ġie fi tmiemu fl-24 ta’ Marzu tal-2004 bħala riżultat tal-bidla li saret dak iż-żmien fil-persuna li kien jokkupa l-kariga ta’ Prim Ministru.
L-istess individwu reġa’ ffirma kuntratt fl-1 ta’ Frar tal-2008 biex ġie ingaġġat fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru bħala person of trust din id-darba fl-irwol ta’ konsulent legali part-time. Il-kuntratt daħal fis-seħħ b’lura, mill-1 ta’ Settembru tal-2007.
Fl-10 ta’ Diċembru tal-2012, Karol Aquilina ffirma kuntratt ġdid mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru li fih iddaħħal paragrafu li tah id-dritt b’seħħ lura mill-2007, għal kumpens f’każ ta’ bidla fil-Gvern jew fil-Prim Ministru.
Il-Partit Laburista sostna li din l-informazzjoni turi li Aquilina ħadem kumpens għalih innifsu minn flus il-Gvern f’każ li jispiċċa l-Gvern, u dan meta kien diġa’ jaf li l-Gvern spiċċa.
“Ma’ dawn Karol Aquilina gawda wkoll b’eluf ta’ ewro minn konsulenzi li ħa fi żminijiet gvernijiet Nazzjonalisti”, ittemm l-istqarrija tal-PL.
“Kburi li servejt fis-Segretarjat tal-eks-PM Eddie Fenech Adami” – Aquilina
Sadanittant, Aqulina wieġeb lura u qal li hu kburi bis-servizz li ta fis-Segretarjat tal-eks-Prim Ministru Eddie Fenech Adami.
“Il-ħlas ta' beenfiċċju għal meta waqaft li rċivejt lura fis-sena 2004 kien skont dak li stabbilixxa Alfred Sant meta kien fil-Gvern bejn l-1996 u l-1998”, sostna Aquilina.
Temm jgħid li dan hu attakk ċar fuqu minħabba mistoqsija parlamentari li staqsa dwar l-eks-Deputat Laburista Joe Debono Grech u li kkonfermat li huwa delegat speċjali tal-Prim Ministru Joseph Muscat, li min-naħa tiegħu Aquilina qal li l-PM beża’ jgħid x’inhu l-irwol tiegħu u kemm qed jitħallas.
Finalment, il-PL reġa’ wieġeb lura lil Aquilina, u qallu li b’dak li qal xorta ma ċaħadx l-informazzjoni mogħtija fil-Parlament.