Il-PL japprova emenda fl-istatut

Id-delegati tal-Partit Laburista approvaw emenda fl-istatut biex issa l-Partit Laburista jkun jista’ jerġa’ japplika mal-Kummissjoni Elettorali sabiex tirrikonoxxih bħala partit politiku.
Waqt il-konferenza Ġenerali, il-President tal-Partit, Daniel Micallef qal li l-PL dejjem mexa mal-liġi tal-finanzjament tal-partiti politiċi u li bl-emenda li għamel, il-Partit iċċara l-pożizzjoni tiegħu għal nuqqas li kellu fl-istatut.
Qal li n-nuqqas li kellu l-PL fl-istatut kien dwar x’jiġri mill-assi tal-partit jekk jiġi xolt.
Minkejja li l-Partit Laburista kien l-ewwel partit politiku li applika mal-Kummissjoni Elettorali, din ma kinitx laqgħet l-applikazzjoni minħabba li kien hemm bżonn li jkun emendat l-istatut.
Fil jiem li għaddew ma’ Newsbook.com.mt il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Gino Cauchi kien ikkonferma li “il-Kummissjoni Elettorali kienet iddiskutiet il-pożizzjoni tar-reġistrazzjoni tal-Partit Laburista. F'Novembru kellhom parir legali li setgħu faċilment jagħtu statut ta’ reġistrazzjoni temporanja lill-PL imma l-Kummissjoni Elettorali ddeċidiet favur reġistrazzjoni pendenti.”
Dan kien jikkuntrasta ma’ dak li kien qal qabel il-PL li kellu reġistrazzjoni temporanja.
Fi stqarrija, il-Kummissjoni Elettorali kienet qalet li “Kapitlu 544 tal-liġijiet ta’ Malta ma fihx provvediment għal reġistrazzjoni ta’ partit b’mod proviżorju.” 
Fl-istess stqarrija l-Kummissjoni Elettorali kienet qalet li l-Partit Laburista kien applika biex ikun irreġistrat. Il-Kummissjoni żiedet tgħid li “wara l-iskrutinju li sar skont il-liġi msemmija, sabet li parti tal-istatut kurrenti tal-istess partit ma kienx jissodisfa l-liġi. Il-Partit Laburista kien infurmat bis-sitwazzjoni u ntalab jaderixxi mal-provvedimenti tal-liġi msemmija.”