Aġġornata: Il-PL jakkuża lil David Casa b'”tixwix fl-Ewropa”

Il-Partit Laburista akkuża lill-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa b’tixwix fl-Ewropa, u li ma jridx iktar kontrolli fl-ajruport.
Il-Partit Laburista kien qed jirreaġixxi għal dikjarazzjoni tal-MEP Malti u tal-Partit Popolari Ewropew li qalu li l-awtoritajiet Maltin għandhom jindirizzaw l-abbuż u mhux iwaqqfu l-kundizzjonijiet ta’ Schengen.
Il-Partit Laburista akkuża lil Casa, li bħal fil-każ tal-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment, mar ixewwex fl-Ewropa u li hu kontra iktar kontrolli fl-ajruport.
Il-Partit Laburista qal li għal darb’oħra, l-istqarrija tal-Partit Popolari Ewropew semmiet biss lil Malta meta hemm diversi pajjiżi oħra li wkoll daħlu iktar kontrolli fil-fruntieri u l-ajruporti. 
Reazzjoni minn David Casa:
B’reazzjoni, David Casa saħaq li dmiru hu lejn il-poplu Malti mhux li jgħatti lill-Gvern, waqt li enfasizza li l-interessi u s-sigurtà f’Malta huma preġudikati minħabba korruzzjoni istituzzjonalizzata.