Il-PL jagħti l-liv lill-ħaddiema tiegħu “biex iwassal messaġġ”

Il-Partit Laburista qal li dis-sens se jkun qed jagħti ġurnata liv lill-ħaddiema tiegħu għal kull festa pubblika li taqa’ fi tmiem ġimgħa, u dan sabiex, fi kliemu, jibgħat messaġġ b’saħħtu.
Huwa kien qed jirreferi għall-miżura mwiegħda mill-partit fil-manifest elettorali tal-elezzjoni ġenerali li għaddiet dwar ir-radd lura gradwali tal-festi pubbliċi li jinzertaw fi tmiem ġimgħa.
“Il-gvern, kif wiegħed il-Partit Laburista qabel l-elezzjoni ġenerali, qed jintroduċi din il-miżura b’mod gradwali. Iżda, il-Partit Laburista ried jibgħat messaġġ b’saħħtu favur il-prinċipju billi minn din is-sena stess se jagħti lill-ħaddiema tiegħu jum liv għal kull festa, f’dan il-każ ħamsa,” qal il-Kap Eżeluttiv tal-PL, Randolph De Battista.
Irrimarka li fi żmien meta l-ekonomija tinsab għaddejja minn mument b’saħħtu l-ħaddiem għandu jgawdi wkoll il-frott.
Sostna li jekk dil-ħaġa jista’ jagħmilha partit li jiddependi mid-donazzjonijiet u l-volontarjat, mela tista’ tagħmilha kumpanija li, skont De Battista, bħalissa qed tgawdi mill-ekonomija.
Temm jgħid li fuq kollox din l-inizjattiva tal-PL hija messaġġ lill-Gvern biex ikompli bid-diskussjonijiet biex jimplimenta l-wegħda elettorali.