Il-PL iżid id-difiża għal Delia fl-aħħar jiem – id-19 tal-PN

Read in English.

Id-19 il-membru tal-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista li jridu bidla fit-tmexxija tagħhom qalu li l-Partit Laburista, bil-kelliema u l-midja tiegħu żied id-difiża għall-Kap Nazzjonalista Adrian Delia bis-saħħa fl-aħħar jiem.

Fi stqarrija dawn id-19 qalu li huwa fl-interess tal-PM Robert Abela li Adrian Delia jibqa’ l-avversarju politiku tiegħu.

“Mhux għax qatt kien hemm bżonn, imma issa l-konferma waslet anke b’mod uffiċjali. Għall-Partit Laburista, hu kruċjali li Adrian Delia jibqa’ Kap tal-Oppozizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista. Dan ġie kkonfermat mill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela nnifsu meta uża l-attività tal-Ħadd filgħodu biex jiddefendi lil Adrian Delia u jipprova jinfluwenza lill-President fit-teħid tad-deċiżjoni skont il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna,” qalu d-19.

Skont id-19, bid-diskors tiegħu Robert Abela spiċċa l-avukat difensur ta’ Adrian Delia.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li hemm min qiegħed fl-oppożizzjoni li jrid jimponi fuq il-ġudizzju tal-president b’rabta mad-deċiżjoni li jrid jieħu dwar il-futur tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Il-mexxej Laburista qal dan waqt li kien qed jindirizza attività politika fil-Kunsill Lokali tal-Mosta.

Ebda differenza min imexxi l-Oppożizzjoni – PL

F’reazzjoni għal dak li qalu d-19 tal-PN, il-Partit Laburista qal li “kieku mqar semgħu d-diskors tal-Prim Ministru dalgħodu fil-Mosta, minflok ħarġu stqarrija li evidentament kienet lesta minn qabel, id-19-il Deputat Nazzjonalista kienu jkunu jafu li lill-Partit Laburista ma tagħmillu ebda differenza min se jirrenja bejn il-fazzjonijiet differenti tal-Oppożizzjoni.”

Fi stqarrija l-PL qal li jkunx “Adrian Delia, Claudio Grech, Therese Commodini Cachia, jew kollha flimkien, il-Partit Laburista jinteressah biss li jkompli jagħmel il-ġid fil-pajjiż u meta jasal il-waqt imur b’wiċċu minn quddiem għall-fiduċja tal-poplu Malti.”

Dr Giovanni Bonello, eks Imħallef fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, qal li s-sezzjoni relevanti tal-Kostituzzjoni bħalissa hija Artiklu 90(4). Dr Bonello qal li dan l-artiklu jirregola l-ħatra u t-tneħħija tal-Kap tal-Oppożizzjoni.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kiser is-silenzju u stqarr fuq Facebook l-intenzjoni tiegħu li jibqa’ jaħdem bla waqfien ‘għal pajjiżna u għal kull Malti u Għawdxi mingħajr biża’ jew influwenza u b’kuxjenza nadifa”, filwaqt li reġa poġġa filmat ta’ intervista li saritlu ftit tal-ġranet ilu fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista NET TV.

Id-19-il Membru tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista li tilfu l-fiduċja fil-Kap Adrian Delia qalu li għandhom fiduċja sħiħa li l-mekkanimżu li tipprovdi l-Kostituzzjoni ta’ Malta se jwassal biex Therese Comodini Cachia tinħatar mill-President bħala Kap tal-Oppożizzjoni.