Awdjo: Il-PL iwiegħed li l-mediċini jaslu b’xejn wara l-bieb tad-dar

Quddiem l-isptar Mater Dei, il-Mexxej Laburista Dr Joseph Muscat qal li l-isptar ‘jinsab f’emerġenza’, u ħabbar pjan ta’ azzjoni dwar nuqqas ta sodod f’Mater Dei u l-iffular fl-iswali.

Dr Muscat qal li dan in-nuqqas mhux tort tal-professjonisti, imma hu dovut għat-tmexxija ħażina u nuqqas ta’ viżjoni fit-tul. Semma li Mater Dei dam 15-il sena biex inbena. Kritika lill-Gvern li qed jibni klinika tal-kanċer barra l-isptar meta kien wiegħed li dan kien se tkun ġewwa l-isptar.

Qal li ma jistax ikun li l-anzjani jdumu sigħat twal jistennew biex jiġbru l-mediċini. Propju għalhekk, Gvern Laburista se jkun qed jonfoq €500,000 biex iwassal mediċini fid-djar tal-anzjani. Dr Muscat qal li għandu jkun hemm żmien massimu ta’ stennija għall-operazzjonijiet, u jekk pazjent idum biex jingħata l-kura, il-Gvern iħallaslu għand il-privat. Dan fuq Direttiva tal-Unjoni Ewropea.

Żied li ċ-Ċentri tas-Saħħa għandhom ikunu iktar moderni u se jkun hemm żieda ta’ €8 miljun fil-kura primarja billi jintefqu f’ċentri tas-saħħa ġodda l-iktar fix-xlokk tal-pajjiż. Dr Muscat qal li Gvern Laburista ma jistax japprova l-kuntratt li l-Gvern għamel mal-isptar St Philips, għaliex għadu ma rahx. Żied li Frank Portelli ‘mhux se jkollu vantaġġi fuq ħaddieħor’.

Fil-qasam tal-kura tas-saħħa, il-Partit Laburista qed jipproponi li:

• Jitjieb il-mod ta’ kif isiru l-appuntamenti
• Jitwessgħu l-Public Private Partnerships ma’ sptarijiet privati biex tonqos pressjoni fuq l-Emergenza u l-Out-Patiens
• Isir Charter għad-Drittijiet tal-Pazjenti. Jekk pazjent idum wisq għall-operazzjoni, jingħata kura b’xejn mill-privat
• Ikun hemm Call Centre għall-informazzjoni dwar listi ta stennija, operazzjonijiet u servizzi
• Programm ta immodernizzar fiċ-Ċentri tas-saħħa u firxa usa tal-kura primarja
• Miljun ewro iktar għall-Isptar Ġenerali t’Għawdex
• Djalogu kontinwu mall-ħaddiema fl-isptarijiet

Il-proposti dwar il-mediċini huma:

• Jiżdiedu l-mediċini li se jingħataw b’xejn filwaqt li jonqsu l-out of stock
• Il-professjonisti jkollhom żmien massimu biex jiddeċiedu jekk mediċina partikolari għandiex tkun fil-lista ta’ medicini b’xejn
• Il-mediċini jitwasslu fid-djar tal-pazjenti. Il-prijorità tingħata lill-anzjani ’l fuq minn 70 sena, persuni b’nuqqas ta’ mobilità u persuni b’diżabilità severa.