Aġġornata: Il-PL iwieġeb lil Chris Said dwar il-kliem “omm” u “missier”

Equality Labour uriet it-tħassib tagħha għax fi kliemha, il-Kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Chris Said, irid ibiddel il-liġi biex ineħħi l-kunċett ta’ ugwaljanza.
Il-ġimgħa li għaddiet, Dr Said wiegħed li Gvern Nazzjonalista mmexxi minnu jerġa’ jdaħħal il-kliem “omm” u “missier” fil-liġi biswit it-terminu ġeneriku “ġenituri.”
Chris Said kien insista li bl-ebda mod mhu se jkun qed ipoġġi f’riskju d-drittijiet ta’ persuni gay.
Fi stqarrija, Equality Labour qalet li Said qed jikkontradixxi lilu nnifsu għax fil-Parlament ma vvotax kontra l-liġi u fi kliemha dan juri “nuqqas ta’ prinċipji u politika ta' konvenjenza.”
Temmet tgħid li l-Partit Laburista huwa l-uniku protezzjoni għad-drittijiet ċivili f’Malta.
"Ma jiddispjaċinix mill-użu tat-termini 'missier' u 'omm', mhux bħall-Partit Laburista" – Chris Said
Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said irreaġixxa għal dan li qal il-PL, u sostna li Gvern Nazzjonalista jassigura li jipproteġi d-drittijiet ċivili ta' kulħadd, u l-liġijiet dwarhom li jgħaddu mill-Parlament.