“Il-PL irid jibni pajjiż future proof” – Joseph Muscat

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, enfasizza li l-partit li jmexxi qed jieħu deċiżjonijiet u jimxi b’politika li taffettwa b’mod pożittiv mhux issa biss, iżda anki l-ġejjieni.
Waqt intervista fuq One Radio, il-PM irrimarka li kull ġimgħa qed joħorġu statistiċi li juru kemm il-pajjiż mexa ’l quddiem, u stqarr li dan juri l-ambizzjoni li għandu l-poplu.
Dr Muscat għadda biex jitkellem dwar policies li ttieħdu kemm fil-bidu tal-leġiżlatura li għaddiet, u li fi kliemu l-effetti tagħhom qed jidhru bħalissa, kif ukoll oħrajn f’din il-leġiżlatura.
Il-persuni bla xogħol
Dr Muscat qal li Malta għandha l-inqas rata ta’ persuni bla xogħol fl-Ewropa u fakkar fir-riforma li kienet iddaħħlet erba’ snin ilu sabiex min ikun qiegħed u jsib xogħol ma jinqatagħlux il-benefiċċju soċjali mill-ewwel.
Il-Mexxej Laburista saħaq li 90% tal-persuni li bbenefikaw baqgħu fid-dinja tax-xogħol, ħafna minnhom nisa.
Il-Qorti, il-LEAD, u t-tindif fil-lokalitajiet
Joseph Muscat kompla billi semma miżuri li ddaħħlu sabiex tonqos l-istennija fil-qrati, li skont Dr Muscat kienet sfida li ilha ġejja minn snin qabel.
Aċċenna wkoll għall-programm LEAD, fejn semma kif hemm diġà interess qawwi minkejja li għadhom ma fetħux l-applikazzjonijiet.
“Nafu li hawn il-problemi wkoll”
Hawnhekk il-Prim Ministru semma l-isfidi li qed jiltaqgħu magħhom dawk li jħallsu l-kera.
Qal li hawn min qabel kien jiflaħ iħallas il-kera, iżda issa minħabba s-suċċess ekonomiku spiċċa biex għolietlu l-kera. Saħaq li din il-faxxa tan-nies għadha ma ġietx indirizzata għax ma jikkwalifikawx għas-sussidju għax mhumiex qegħdin bi dħul baxx ħafna.
Enfasizza li l-Gvern irid joħroġ b’ideat u proġetti biex jindirizzahom.
“Ma naħsibx li għandu bżonn il-pariri tiegħi, u lanqas se jeħodhom”
Mistoqsi dwar dak li ssejjaħ “indħil” fuq il-kandidati għal kap tal-Partit Nazzjonalista min-naħa tal-Kap tal-PN, Simon Busuttil, Dr Muscat qal li huma l-istess nies fil-partit tiegħu li qed jiġbdulu l-attenzjoni. Żied jgħid li ma jemminx li għandu bżonn il-pariri tiegħu, u li lanqas jekk jagħtihomlu mhu se jeħodhom.
Il-PM temm jgħid li l-Gvern se jibqa’ għaddej b’riformi soċjalisti sabiex jibdel mhux biss wiċċ il-partit, iżda wkoll wiċċ Malta. Filwaqt li fakkar li llum huwa l-101 sena mill-anniversarju tat-twelid ta’ Dom Mintoff, Dr Muscat qal li l-ispirtu riformattiv ta’ Mintoff għadu b’saħħtu fil-partit.
Ritratt: Arkivji