Il-PL iniedi proċess ta’ konsultazzjoni politika

F’konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, Daniel Micallef, ħabbar proġett bl-isem ta’ “100 IDEA”, li se jpoġġi d-diskussjoni politika fiċ-ċentru tal-ħidma tal-Partit Laburista, fis-sena li timmarka l-100 anniversarju mit-twaqqif tiegħu.

Dan il-proġett, li huwa miftuħ għall-parteċipazzjoni ta’ kulħadd, se jara l-ħolqien ta’ għaxar policy fora.

Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, Dr Miriam Dalli, tkellmet dwar tliet fora li se tikkordina hi, u li se jkopru l-qasam ekonomiku, ambjentali u tas-saħħa.

Il-fora se jitqassmu hekk:

ĠID LI JASAL GĦAND KULĦADD dwar l-ekonomija mmexxi mill-analista finanzjarju Steve Ellul.

L-AMBJENT: ĠID KOMUNI immexxi mill-Perit Chris Mintoff u se jipproponi miżuri li jgħinu lis-settur tal-biedja u s-sajd.

SAĦĦITNA immexxi mit-tabib Jan Chircop, se jsir xogħol biex jissaħħaħ is-servizz tas-saħħa.

 MALTA : L-IRWOL TAGĦHA FIL-MEDITERRAN, FL-EWROPA U FID-DINJA huwa forum li se jitmexxa minn Anthony David Gatt u li se jara li Malta taħdem fuq kwistjonijiet ċentrali bħall-immigrazzjoni u r-riżorsi umani.

ILKOLL INDAQS, immexxi minn Rebecca Buttigieg, dan il-forum se jiddiskuti l-ħaddiema barranin u r-reliġjonijiet differenti. Dan il-forum se jinkludi wkoll lill-anzjani u kif dawn jistgħu jikkontribwixxu fis-soċjetà.

IL-FUTUR TA’ ULIEDNA, immexxi minn Alison Civelli, se jesplora l-edukazzjoni ħolistika – dik akkademika, kultura, sportiva u fis-snajja’.

IL-QAFAS DEMOKRATIKU TA’ MALTA, immexxi minn Dr Jonathan Attard, dan il-forum se jwessa’ l-applikazzjoni tal-prinċipji demokratiċi.

SOĊJETÀ FEJN KULĦADD JIMXI ’L QUDDIEM huwa l-Forum li fih se jiġi diskuss dak kollu fil-qasam soċjali, bit-tmexxija ta’ Dr Maria Brown.

GĦAWDEX  bit-tmexxija ta’ Monica Farrugia, u bit-tema “Għawdex-Opportunità Ekonomika”, se titfassal politika għar-reġjun Għawdxi.

KUNSILLI LOKALI AKTAR B’SAĦĦITHOM, immexxi mill-eks Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ, Sarah Agius Saliba, se jara kif l-irwol tal-kunsilli evolva u kif għandu jevolvi fil-futur.

Kull min jixtieq jagħmel kuntatt, jista’ jagħmel dan billi jibgħat e-mail fuq 100@partitlaburista.org jew messaġġ fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Partit Laburista.