Il-PL ifakkar lil Muscat: “L-uniku mexxej li rebaħ l-elezzjonijiet kollha”

Il-Partit Laburista fakkar lil Joseph Muscat bħala “l-uniku mexxej li rebaħ l-elezzjonijiet kollha li kkontesta” wara li lbieraħ Muscat temm il-karriera politika tiegħu meta ħabbar ir-riżenja tiegħu minn Membru Parlamentari.

Ilbieraħ il-Parlament reġa’ ltaqa’ għall-ewwel darba wara l-vaganzi tas-sajf, u Dr Joseph Muscat ħasad lill-parlamentari sħabu meta ħabbar ir-riżenja tiegħu. Qal li ma kienx infurmahom minn qabel għax ma riedx ħafna ċerimonji.

Huwa qatta’ 12-il sena jservi bħala Membru Parlamentari, u qabel għamel tliet snin jokkupa l-irwol ta’ Membru Parlamentari Ewropew. Kien ilu fit-tmun tal-Partit Laburista għal 12-il sena, mill-2008, meta f’Diċembru li għadda ħabbar ir-riżenja tiegħu. Huwa uffiċjalment irriżenja f’Jannar li għadda meta Robert Abela ġie elett il-Mexxej il-ġdid tal-PL.

Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li, “Is-snin li Dr Muscat għamel imexxi lill-Partit Laburista jibqgħu karatterizzati minn ħidma ma taqta’ xejn ta’ tiġdid, tibdil u tisħiħ. Kif wiegħed sa minn qabel ma nħatar Mexxej, Dr Muscat bena madwar il-Partit Laburista Moviment mill-iktar b’saħħtu u inklussiv tal-Liberali, Progressivi u Moderati.”

Il-PL ma naqasx milli jsemmi r-rebħiet elettorali ta’ Muscat, 10 rebħiet f’10 elezzjonijiet bejn l-2008 u l-2019. Apparti hekk, Muscat huwa s’issa l-aktar mexxej politiku li kiseb voti fl-ewwel għadd f’elezzjoni ġenerali.

L-istqarrija tkompli billi ssemmi xi kisbiet ta’ Muscat, bħall-progress ekonomiku, ir-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, baġits mingħajr taxxi, childcare centres bla ħlas, u progress mil-lat ta’ libertajiet ċivili.

L-aħħar diskors ta’ Muscat bħala Mexxej tal-PL
“Inħobbkom” – l-aħħar kelma ta’ Joseph Muscat

Il-Partit irrefera wkoll għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, li seħħ ftit xhur wara li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni ġenerali tal-2017. Fi kliem il-Partit Laburista, li jidwi kliem Muscat innifsu, “Bħala Prim Ministru, Dr Muscat żamm kelmtu anke fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għaliex immedjatament kif seħħ dan id-delitt, kien wiegħed li ssir ġustizzja sħiħa u hekk ġara, għaliex kien hemm ir-rieda li jseħħ dan.”

B’rabta mal-korruzzjoni magħġuna ma’ dan l-assassinju, Muscat kien ġie vvutat bħala l-aktar persuna li avvanza l-kriminalità fid-dinja mill-Proġett tar-Rappurtaġġ tal-Kriminalità Organizzata u l-Korruzzjoni (OCCRP).

Apparti lil Joseph Muscat, il-Partit Laburista sellem ukoll lil martu Michelle Muscat, “li mhux biss kienet dejjem ta’ spalla għal Dr Muscat, iżda li fl-aħħar snin ħadet inizjattivi biex tqajjem kuxjenza dwar kawżi differenti u tagħti vuċi lil ħafna Maltin u Għawdxin li għal snin sħaħ tħallew waħedhom.”