“Il-programm elettorali ippubblikat dalwaqt” – Dr Joseph Muscat

Il-Mexxej Laburista Dr Joseph Muscat qal li l-konferma li ta fl-aħħar sigħat Dr Simon Busuttil, li fil-costings li ppreżenta l-Partit Nazzjonalista mhemm imkien imniżżel kif se jiffinanzja l-pipeline tal-gass, tkompli turi kemm fi kliemu, il-Gvern m’għandux pjan għall-qasam tal-enerġija.

Waqt intervista fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista ONE, Dr Joseph Muscat qal li għall-kuntrarju, il-Partit immexxi minnu, fil-pjan tiegħu għall-enerġija, daħal f’ħafna dettall dwar kemm, kif u meta se jsir l-investiment u qal li se jorħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Żied jgħid li meta wieħed jagħmel costings bħal dawn, ma tistax tħalli dettalji importanti barra, imma żied li trid tispjega kollox.

Dr Muscat reġa tkellem dwar il-qasam tas-saħħa u l-ħtieġa li jibdew jingħataw l-assigurazzjonijiet; u dwar l-edukazzjoni, partikolarment dwar il-proposta ta’ sabbatical leave għall-għalliema biex ikollhom l-opportunità javvanzaw fl-istudji.

Il-Mexxej Laburista qal li l-Partit Laburista għażel li jħabbar il-proposti tiegħu ftit ftit biex in-nies ikunu jistgħu jifhmu aktar dak propost, bil-programm elettorali jkun ippubblikat dalwaqt.

Dr Muscat spjega kif kull proposta mħabbra mill-Partit Laburista ġġorr nefqa kalkulata, b’dettalji ta’ minn fejn ġejjin il-flus, kemm se tiswa, u x’riżultat se tħalli. Kompla jisħaq li mir-rispons li kellu s’issa, fost l-aktar proposti li ressaq il-Partit Laburista u li ħallew impatt fuq in-nies, hemm dik tal-kontabilità fost il-politici, dik biex titneħħa l-preskrizzjoni minn fuq il-politiċi, dik biex tiddaħħal il-Whistleblowers’ Act u l-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti.

Il-Mexxej Laburista temm jgħid li “nemmen li dan il-punt ta’ good governance qatt ma kien daqshekk għoli fuq l-aġenda nazzjonali, daqs kemm huwa matul din il-kampanja”.