Il-PL b’konferenza tal-aħbarijiet dwar id-dibattitu tal-PN

Read in English.

Il-Partit Laburista organizza konferenza tal-aħbarijiet dwar id-dibattitu tal-Partit Nazzjonalista bejn iż-żewġ kandidati għall-elezzjoni ta’ Kap tal-PN Adrian Delia u Bernard Grech.

Fi stqarrija, il-PL qal li d-dibattitu tal-bieraħ “ikkonferma l-faqar tal-kontestanti u l-firda fil-Partit Nazzjonalista”.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata mill-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi.

Zrinzo Azzopardi qal li ż-żewġ kandidati kien ħsiebhom kif se jniggżu lil xulxin filwaqt li Schembri sostna li aktar qamu mistoqsijiet milli ngħata serħan il-moħħ.

L-istqarrija ttemm tgħid li n-nuqqas ta’ għażla fil-PN ipoġġi aktar responsabilità fuq il-Partit Laburista biex ikompli jwettaq il-manifest elettorali.

“Qatt mhu se nieħdu lezzjonijiet mill-PL” – il-PN

Il-Partit Nazzjonalista qal f’reazzjoni li qatt mhu se jieħu lezzjonijiet mill-Partit Laburista. Fi stqarrija b’reazzjoni għall-istqarrija tal-PL, il-PN qal li qatt ma jista’ jkun li l-Partit Laburista jagħti xi forma ta’ lezzjoni dwar trasparenza u kontabbilità meta taħt il-Gvern Laburista saru l-ikbar każijiet ta’ korruzzjoni u ħmieġ b’serq ta’ flus tan-nies li skont il-PN dawn il-każijiet reġgħu ġew ikkonfermati llum bir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea.

Il-PN qal li f’din il-konferenza wieħed seta’ jistenna lid-deputati Laburisti jispjegaw kif Robert Abela minn wara dahar kulħadd flimkien mal-Kabinett lesti li jiffirmaw il-ftehim SOFA mal-Istati Uniti b’riperkussjonijiet kbar fuq is-sovranità ta’ pajjiżna.

X’taħseb dwar id-dibattitu tal-PN?
Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt