Il-PL b’kampanja tal-MEPs superjuri; il-PN negattiv – rapport

Read in English.

Il-PL kellu kampanja fuq il-midja soċjali superjuri filwaqt li l-PN kellu kampanja negattiva fl-elezzjonijiet tal-MEPs, skont rapport iffinanzjat mill-Parlament Ewropew.

L-Università Roma Tre mexxiet proġett ta’ riċerka internazzjonali dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2019. Ħejjiet rapport dwar is-sejbiet tagħha.

Skont ir-rapport, il-Partit Laburista kellu kampanja superjuri fuq il-midja soċjali u fuq it-televiżjoni. Intqal li l-Partit Nazzjonalista kellu inqas flus x’jonfoq.

Fl-2019 Malta kellha 371,450 persuni li setgħu jivvutaw. Kien hemm aktar minn 72.6% tan-nies li vvutaw. Fl-2014 it-turnout kien ta’ 74.8%. Il-Partit Laburista (PL) rebaħ 54% tal-vot, l-akbar rebħa tiegħu minn wara l-gwerra.

Il-PL jiċċelebra s-suċċessi; il-PN jattakka lill-Laburisti

Skont ir-rapport, il-PL kellu kampanja pożittiva li ċċelebrat is-suċċessi tal-partit u l-appoġġ kbir li kellu l-PM Joseph Muscat. Ir-reklami negattivi tal-PL kienu mmirati lejn nies fil-PN. Intqal li l-PL investa bil-kbir fil-kampanji tiegħu onlajn u tal-midja. Muscat issospenda l-maġġoranza tal-impenji uffiċjali tiegħu biex ikun jista’ jdur ma’ Malta.

Skont l-istess rapport, il-PN kellu kampanja negattiva li ma ffukatx fuq dak li jemmen il-partit. Minflok, il-partit organizza kampanja negattiva li użat l-umoriżmu biex tattakka lill-Gvern Laburista.

Il-PL kellu 272 posts fuq Facebook filwaqt li l-PN kellu 148. Il-Moviment Patrijotti Maltin kellu 157. Però, instab li l-materjal tal-MPM ma kienx kollu oriġinali u li kienu jagħmlu shares tal-aħbarijiet internazzjonali li kienu jpenġu nies barranin b’mod negattiv.

2019 European Elections Campaign – EEMC

Malta kienet fl-14-il post għal fejn jidħol in-numru ta’ posts fuq Facebook. Kellha 794 posts. Instab li l-Italja kellha 3821, Ċipru kellu 808, u l-Irlanda kellha 258. Il-Partit Laburista kklassifika mal-ewwel 20 partit fejn jidħol l-ammont ta’ posts li saru fl-Ewropa – kellu 272 posts. Il-Lega ta’ Salvini fl-Italja kellha 2214.

X’kien l-infieq tal-partiti?

Minn Marzu sal-elezzjonijiet tal-MEPs, il-Partit Nazzjonalista nefaq €24,042 f’reklami fuq Facebook mill-paġna prinċipali tal-partit. Il-paġna ta’ Adrian Delia nefqet €6,348 f’reklami.

Fl-isess perjodu l-Partit Laburista nefaq inqas minn €100 fuq reklam wieħed mill-paġna uffiċċjali tiegħu. Il-paġna ta’ Joseph Muscat xtrat 13-il reklam b’nefqa ta’ €5,669 għall-elezzjonijiet ta’ Mejju.

Reklam tal-PL dwar l-ekonomija

Meta wieħed iħares lejn l-engagement li sar f’kull pajjiż isib lill-Italja fil-quċċata. L-Italja kellha engagement ta’ 2897820, Malta kellha 62639, u Ċipru kellu 62922.

Instab li l-kampanja tal-MEPs kienet aktar qed tiffoka fuq kwistjonijiet nazzjonali milli kwistjonijiet Ewropej. L-aktar partit li ffoka fuq kwistjonijiet li kienu speċifikament Ewropej kien l-Alternattiva Demokratika.

Poster tal-PN meqjus negattiv mir-rapport

Skont ir-rapport kull meta l-partiti l-kbar semmew l-Ewropa, dan sar b’mod pożittiv jew newtrali.

X’kienu t-temi prinċipali tal-kampanja?

  • Il-valuri – 18%
  • L-ekonomija – 8%
  • L-Ewropa – 8%
  • Temi soċjali – 8%
  • L-immigrazzjoni – 6%
  • Is-sigurtà – 5%

Fl-Ingilterra, fl-Olanda, u f’Malta aktar minn 20% tal-kontenut tal-kampanja kien negattiv. Il-Lussemburgu, il-Belġju, u s-Slovenja kellhom l-inqas persentaġġi ta’ kontenut negattiv.

2019 European Elections Campaign – EEMC

Ir-rapport ta’ Malta sar minn Carmen Sammut, Mark Harwood, Jean Claude Cachia, u Fabrizio Ellul – kollha mill-Università ta’ Malta.

Fl-2019, l-islogan tal-PL kien “Malta f’Qalbna”. Tal-PN kien “Flimkien għal Pajjiżna”.

Tista’ taqra r-rapport sħiħ minn hawn.