“Il-PL bis-soluzzjonijiet dwar l-enerġija u l-PN moħħu fis-salarju” – Toni Abela

Id-Deputat Mexxej Laburista Toni Abela wieġeb għall-kummenti u l-kampanja Nazzjonalista dwar il-prezz taż-żejt billi qal li l-Oppożizzjoni għandha tħares lejn ir-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma u mhux lejn il-meter li ħolqot fuq l-internet. 
Waqt li kien qed jagħlaq l-ewwel sessjoni plenarja tal-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista, Abela qal li l-poplu ried bidla fil-Gvern għax dak Nazzjonalista ma kienx qed jimxi skont ir-rieda u l-bżonnijiet tal-pajjiż. 
Saħaq li meta l-Partit Laburista kien għadu fl-Oppożizzjoni, kien jitkellem dwar l-enerġija u jipprovdi s-soluzzjonijiet, waqt li l-Partit Nazzjonalista kien moħħu fiż-żieda fis-salarju. 
L-Avukat Abela semma’ li fis-snin li għaddew, l-aktar fis-Sebgħinijiet, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ma kinitx tappoġġja lill-Gvern fuq il-kwistjoni tal-bjar taż-żejt iżda kienet iżomm ma’ pajjiż barrani. 
Dwar l-elezzjoni tal-Kunsill Lokali, Toni Abela qal li ħafna żgħażagħ se jikkontestaw mal-Partit Laburista u l-Partit dejjem bil-bibien miftuħa għaż-żgħar, inkluż fl-elezzjoni ġenerali.