Il-PL b’ġabra ta’ aktar minn €500,000

Partit Laburista

Read in English.

Il-Partit Laburista lbieraħ ġabar €516,896 waqt maratona ġbir ta’ fondi fuq l-istazzjon televiżiv tal-partit, One TV.

Fuq il-website tiegħu, il-PL qal li fit-tmien sigħat li damet għaddejja l-maratona, mijiet ta’ persuni żaru ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Qal li eluf oħra ċemplu bid-donazzjoni tagħhom, filwaqt li għexieren ta’ volontiera għamlu l-maratona possibbli.

Il-Partit irrefera għall-parti li fiha ġew intervistati l-Prim Ministru Joseph Muscat u martu Michelle. Huma tkellmu dwar l-esperjenza tagħhom tul l-aħħar 11-il sena li matulhom Joseph Muscat kien qed imexxi l-Partit Laburista.

Din kienet l-aħħar maratona li Muscat attenda għaliha bħala mexxej hekk kif bħalissa għaddejja l-kampanja sabiex jiġi elett mexxej ġdid għall-partit sat-12 ta’ Jannar. Wara Muscat se jkun qed jirreżenja minn Prim Ministru.

Fost l-affarijiet li qal fuq l-istazzjon One TV, Muscat qal li huwa xtaq li l-ħajja politika tiegħu spiċċat b’mod differenti milli fil-fatt spiċċat. Iżda qal li jemmen li dak li jeħtieġ li jsir għandu jsir.