Il-Pjazza tan-Nadur tingħata lura lin-nies, daqshekk parkeġġ

Fl-aħħar jiem ġew inawgurati x-xogħlijiet estensivi li saru fl-aħħar xhur fi Pjazza San Pietru u San Pawl fin-Nadur, b’investiment ta’ ftit anqas minn nofs miljun ewro.
Fil-messaġġ tagħha, il-President Marie-Louise Coleiro Preca faħħret id-deċiżjoni tal-Kunsill tan-Nadur li jagħti lura l-pjazza lin-nies u ħeġġet lin-Nadurin biex jiltaqgħu fil-pjazza u jissoċjalizzaw.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku tan-Nadur Edward Said spjega li biex seta’ jsir dan il-proġett b’kofinanzjament minn fondi Ewropej, kellha tittieħed deċiżjoni li fil-pjazza ewlenija tal-lokalità ma jibqax isir parkeġġ.
Said ħabbar li t-tisbiħ tal-pjazza se jkompli fix-xhur li ġejjin.
L-inawgurazzjoni tal-Pjazza kienet tinkludi kunċert mill-Gozo Youth Band taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Joseph Grech, il-kantanti Chiara u Ludwig Galea, żeffiena tas-Centre Stage Academy u wirja ta’ logħob tan-nar sinkronizzat mal-mużika.