Il-pjanijiet għat-torri ta’ Townsquare lura minn fejn ġew

It-Tribunal tal-Ambjent u l-Ippjanar laqa’ t-talba ta’ numru ta’ għaqdiet mhux governattivi, u bagħat minn fejn ġie l-proġett tat-torri ta’ Townsquare, jiġifieri lill-Awtorità tal-Ippjanar.
Intqal li hemm bżonn assessjar ġdid biex ikun konformi mal-Proporzjon tal-Arja tal-Art.
Hu meħtieġ ukoll li l-Awttorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tassessja mill-ġdid l-impatt soċjali u fuq it-traffiku ta’ dal-proġett, li jinkludi 159 appartament residenzjali mqassmin f’torri ta’ 38 sular, 750 parkeġġ, u art ta’ 12,000 metru kwadru għall-pubbliku, li jkun fiha bosta ħwienet u nħawi ta’ divertiment.
Il-proġett, li jiswa madwar €100 miljun, hu propost minn Gasan, u kien ġie approvat bi ftit f’Settembru ta’ sentejn ilu. Dakinhar kien hemm appelli differenti minn entitajiet separati, bħall-Kunsill Lokali ta’ tas-Sliema, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, u NGOs oħra.
Xahrejn ilu l-iżviluppaturi ta’ Townsquare kienu talbu lill-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar, sabiex tieqaf twaqqaf minnufih il-kampanja kontriha minn din l-għaqda u li ddeskriviet bħala ta’ ingann.
“Konna l-uniċi parlamentari li opponejna dal-proġett” – PD
Sadanittant, il-Partit Demokratiku qal fi stqarrija li l-parlamentari tiegħu kienu l-uniċi li opponew dal-proġett.
Sostna li l-proposti attwali kienu saru tali mod biex jiżgiċċaw ċerti regolamenti dwar l-għoli tal-bini permess.
Temm jgħid li hu gravement meħtieġ masterplan nazzjonali, liema masterplan il-PD kien ippropona f’Awwissu li għadda.
“Pass kbir ’il quddiem” – AD
Min-naħa tagħha, l-Alternattiva Demokratika qalet li did-deċiżjoni hi pass kbir ’il quddiem.
Iċ-Ċerpersin tal-AD, Carmel Cacopardo, qal li dan xorta ma jneħħix il-fatt li d-deċiżjoni finali għadha ’l bogħod, u hija mimlija perikli.