Ikkonfermata: Is-sistema ġdida ta’ parkeġġ fl-Università hija ċajta

Newsbook.com.mt jista’ jikkonferma li l-arranġament li ħabbret l-Università ta’ Malta dwar il-parkeġġ tal-istudenti, l-għalliema u l-istaff hija ċajta.

F’messaġġ fuq il-paġna ta’ Facebook li qajjem bosta kritika u mistoqsijiet qalb dawk li jiffrekwentaw l-Università, permezz ta’ ċajta ġie spjegat li l-Università qed tieħu l-passi neċessarju biex tissolva l-problema tal-parkeġġ. Bosta kienu dawk li kkummentaw jgħidu li qed jittamaw li din hija biss ċajta tal-ewwel t’April.

Iċ-ċajta tgħid li kull nhar ta’ Tnejn u Ħamis jistgħu jipparkjaw persuni bil-pjanċa li tibda bl-ittri minn A sa’ M, it-Tlieta u l-Ġimgħa jistgħu jipparkjaw dawk bil-pjanċa minn N sa’ Ż, filwaqt li nhar ta’ Erbgħa ma hemmx restrizzjonijiet. Ġie spjegat li t-tama hija li din tinkoraġġixi l-użu tal-carpooling u juża modi alternattivi għall-ivjaġġar minn u lejn il-kampus.

Iċ-ċajta kompliet billi talbet lil dawk kollha li jipparkjaw l-Università qed jintalbu jirreġistraw għal permess tal-parkeġġ ġdid, hekk kif dawk kollha li jinqabdu jiksru dawn ir-regoli ġodda se jiġu rmunkati.

NOTICE: In an effort to alleviate some of the current issues related to parking space on campus, as from next week, UM…

Posted by University of Malta on Sunday, March 31, 2019

Kelliem għall-Università spjega li din kienet l-ewwel darba li l-Università għamlet ċajta tat-tip fuq Facebook u sostna li l-esperiment irnexxa għax kien hemm viċin l-10,000 ruħ li daħlu fuq il-post fi żmien tlett sigħat. Spjega li kienu waħdiet dawk li ċemplu biex jistaqsu jekk din hix vera.

Kif qed jirreaġixxu dawk affettwati?

Bosta kienu dawk li qalu li sistema tat-tip hija inġusta hekk kif il-problema tal-parkeġġ li għandu l-kampus tal-Qroqq hija tort tal-Università li ma ħasbitx minn qabel għall-konsegwenzi li kien se jġib miegħu l-iżvilupp.

Oħrajn irrimarkaw li jekk din hija bissa ċajta tal-ewwel ta’ April, l-Università messa tistħi tiċċajta dwar sitwazzjoni tant frustranti għal bosta. Sostnew li l-Università aħjar taħdem fuq sistemi li jistgħu jsolvu l-problemi tal-parkeġġ minflok joħolqu ċajt tat-tip.