Il-pjan tal-UE aktarx mhux biżżejjed biex ikopri l-impatt tal-pandemija – Sant

Alfred SANT in the EP in Strasbourg

Il-Membru Parlamentari Ewropew Alfred Sant qal lill-Parlament Ewropew li l-Pjan ta’ Rkupru tal-Unjoni Ewropea aktarx ma jkunx biżżejjed biex ikopri l-impatt u l-konsegwenzi li għadhom mhux previsti tal-pandemija Covid-19.

F’dibattitu plenarju straordinarju l-Ħamis, il-Parlament Ewropew iddiskuta l-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew li saret bejn is-17 u l-21 ta’ Lulju, u addotta riżoluzzjoni dwar il-baġit Ewropew għas-seba’ snin li ġejjin u dwar il-Pjan ta’ Rkupru għall-Ewropa.

F’din il-laqgħa fost il-mexxejja Ewropej, ġie deċiż li Malta għandha tieħu €2.25 biljun mill-baġit Ewropew.

Alfred Sant ivvota favur ir-riżoluzzjoni iżda ddikjara li l-aġġustamenti li saru fil-baġit Ewropew għas-seba’ snin li ġejjin sabiex jinkiseb ftehim finali fil-Kunsill idgħajfu serjament il-koerenza tal-baġit innifsu.

Sant qal li, “Minkejja n-negozjati fit-tul, il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ma tawx tweġiba Ewropea xierqa u sodisfaċenti għall-kriżi ekonomika li tirriżulta mill-pandemija tal-Covid-19 u l-istrateġiji varji li l-UE teħtieġ issegwi sabiex ma tibqax tkarkar wisq wara l-Istati Uniti u ċ-Ċina.”

Sostna li hu kważi impossibbli li tifhem kif u għaliex oqsma bħas-saħħa, ir-riċerka u l-appoġġ lill-kumpaniji għandhom ikunu soġġetti għal amputazzjoni brutali. Hu esprima dubju dwar jekk l-intervent tal-Parlament jistax b’xi mod jgħin biex itejjeb is-sitwazzjoni.