Il-pjan tal-Jerma biex jakkomoda applikazzjonijiet eżistenti – Graffitti

Il-pjan ta’ żvilupp tal-art ta’ fejn kienet il-lukanda Jerma Palace huwa maħluq bl-intenzjoni li jakkomoda l-applikazzjonijiet li diġa hemm quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar. Dan intqal mill-Moviment Graffitti bħala parti mis-sottomissjonijiet tiegħu għall-konsultazzjoni pubblika dwar l-iżvilupp ta’ din l-art f’Marsaskala wara li ġew konsultati r-residenti ta’ Marsaskala.

Filwaqt li jaqbel mat-twaqqigħ tal-binja eżistenti minħabba l-periklu u l-kruha estetika tagħha, Moviment Graffitti jgħid li l-Iskalin ħaqqhom żvilupp turistiku li hu proporzjonat għad-daqs u l-infrastruttura tal-lokal u mhux biex jeqred l-istil ta’ ħajja lokali.

Fis-sottomissjonijiet tiegħu Moviment Graffitti jgħid li l-pjan ta’ żvilupp jaqbel eżatt fost l-oħrajn ma’ applikazzjoni li ddaħħlet is-sena l-oħra li tipproponi li minflok il-Jerma, titla’ binja ta’ 15-il sular li ma tinkludix biss lukanda, imma wkoll 166 appartament kif ukoll ħwienet li m’għandhomx użu turistiku kif minn dejjem kien il-pjan oriġinali tal-art.

Il-Moviment jgħid li jkun żball li jiġu injorati l-bżonnijiet tar-residenti hekk kif jidher ċar li dan l-iżvilupp se jaffettwa b’mod negattiv kemm l-infrastruttura kif ukoll il-ħajja tar-residenti u ma fih l-ebda gwadann fit-tul għal-lokal.