Kunflitt ta’ interess iwassal biex il-pjan tad-db f’Pembroke jkun revokat mill-Qorti

torri db sit ITS mistenni approvat

Read in English.

Il-proġett tal-Grupp DB li kien approvat is-sena li għaddiet f’nofs kontroversja kien revokat mill-Imħallef Mark Chetcuti fl-istadju tal-Appell. L-appell kien sar mill-Moviment Graffitti wara li kemm l-Awtorità tal-Ippjanar, kif ukoll it-Tribunal tal-Appelli dwar l-Ippjanar kienu approvaw il-proġett. L-appell fil-qorti sar minħabba kunflitt ta’ interess ta’ wieħed mill-membri tal-Bord, is-Sur Matthew Pace. “F’okkażjoni rari, il-Qorti ddeċidiet li l-kunflitt ta’ interess li kellu dan il-membru tal-Bord kien tali li l-permess kellu jigi revokat,” qalet Dr Claire Bonello, l-avukata tal-Moviment Graffitti lil Newsbook.com.mt.

Il-Moviment Graffitti intant qal li l-pjan tal-Grupp db li kien ingħatalhom il-permess biex “jidfnu” lil Pembroke ġie revokat fil-qorti aktar kmieni l-Erbgħa filgħodu. Il-Grupp db se jkollu jmur lura għall-pjanti tal-proġett, hekk kif iridu jerġgħu jirrevedu l-pjanti tax-xogħol propost. Il-Qorti tal-Appell sabet li Matthew Pace, membru tal-Bord tal-Ippjanar, kellu kunflitt ta’ interess bil-kumpanija tiegħu tal-propjetà tbigħ partijiet minn dan l-iżvilupp saħansitra qabel ma kien maħruġ il-permess. Dan wassal biex id-deċiżjoni tal-Bord tal-Ippjanar tal-20 ta’ Settembru 2018 tiġi annullata, u l-permess revokat.

Dan wara li Moviment Graffitti u NGOs oħra, flimkien mal-Kunsilli Lokali u r-residenti għamlu sfida legali. Il-Moviment Graffitti ħabbar dan fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook.

“Ir-residenti ta’ Pembroke huma l-vera protagonisti f’din il-ġlieda”
Fi stqarrija, il-Moviment Graffitti qal li r-residenti ta’ Pembroke li semmgħu leħinhom huma l-vera protagonisti f’din il-ġlieda. Komplew jgħidu li r-residenti ma ċedewx, minkejja li kienu qed jaffaċċjaw ostakli kbar. Il-Moviment Graffitti rrikonoxxa wkoll il-kontribut siewi tat-tliet Kunsilli Lokali – ta’ Pembroke, ta’ San Ġiljan u tas-Swieqi – li warrbu kull interess partiġġjan u ġġieldu għall-benesseri tal-komunitajiet tagħhom.
Irringrazzjaw ukoll lit-tim ta’ avukati u periti magħmul minn Dr Claire Bonello, Dr Ian Vella Galea u Dr Malcolm Mifsud, u l-Periti Tara Cassar u John Ebejer, li tefgħu qalbhom f’din il-kampanja mill-bidu nett.

dB permit to bury Pembroke revoked in court after legal challenge by Moviment Graffitti and other NGOs, Local Councils…

Posted by Moviment Graffitti on Wednesday, June 19, 2019

Aktar kmieni din is-sena, grupp ta’ NGOs immexxija mill-Moviment Graffitti ssottomettew protest ġudizzjarju kontra l-Awtorità tal-Artijiet għax sostnew li l-Grupp db kiser il-kundizzjonijiet tal-kuntratt hekk kif allegatament se jwaqqa’ xelter ta’ żmien il-Gwerra l-Bierda u jħalli biss ħajt u emblema minnu.

Aqra: “Se jħallu biss ħajt u emblema; kisru l-kundizzjonijiet” – NGOs dwar il-Grupp db

Il-Grupp kien diġà ssottometta pjanti ġodda wara li ħareġ bi proposta ġdida ta’ żvilupp għas-sit ta’ fejn kien hemm l-ITS f’Pembroke. Fosthom kienet qed tiġi proposta lukanda ta’ 5 stilel ta’ Klassi 3B, b’438 kamra.

Aqra: Il-Grupp db jissottometti pjanti ġodda għall-eks sit tal-ITS

Ix-xogħol tal-Grupp db kien diġà ġie sospiż din id-darba mit-Tribunal tal-Appelli tal-Awtorità tal-Ippjanar. Kien ordna li jiġi sospiż ix-xogħol fuq il-proġett tat-torri u l-lukanda f’Pembroke tal-Grupp db sakemm jiġi konkluż l-appell pendenti kontra dan l-iżvilupp.

Aqra: Sospiż ix-xogħol tal-Grupp db fuq is-sit tal-ITS f’Pembroke

B’konnessjoni max-xogħol li kien qed isir fuq l-eks sit tal-ITS, ġew irrappurtati diversi drabi li qed ikun hemm tniġġis fil-bajja ta’ San Ġorġ li tiġi eżatt taħt is-sit tal-kostruzzjoni. F’Novembru tas-sena l-oħra, fuq il-mezzi soċjali, Prof. Arnold Cassola qal li x-xogħlijiet għaddejjin b’ritmu mgħaġġel. Stqarr li fis-6.30am bdew ix-xogħlijiet u sa erba’ sigħat wara kien hemm diversi trakkijiet bit-terrapien u materjal ieħor.

Aqra: “Tniġġis fil-Bajja ta’ San Ġorġ: Xogħlijiet mill-Grupp db?” – Cassola

 
Din l-azzjoni legali kienet reġistrata minn dawn li ġejjin:
– Tliet Kunsilli Lokali – ta’ Pembroke, ta’ San Ġiljan u tas-Swieqi i
– Erba’ NGOs: Moviment Graffitti, Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA), Din l-Art Ħelwa u Friends of the Earth Malta
– Disa’ residenti